Il-Parlament Ewropew japprova restrizzjonijiet fuq ċomb fl-iskrataċ

Il-Parlament Ewropew wera l-approvazzjoni tiegħu għall-projbizzjoni tal-użu taċ-ċomb fl-iskrataċ tal-kaċċa fil-viċinanzi ta’ artijiet mistagħdra (wetlands), wara li vvota kontra l-oġġezzjonijiet imressqa mill-gruppi politiċi tal-lemin u l-lemin estrem.

Reżoluzzjoni mressqa mill-grupp ewroxettiku Konservattivi u Riformisti Ewropej m’għaddietx b’292 vot favur u 362 vot kontra, bi 39 astensjoni. Is-6 MPE Maltin kollha vvutaw favur, biż-żewġ MPEs tal-Partit Nazzjonalista jingħaqdu mal-maġġoranza tal-MPEs tal-Partit Popolari Ewropew. L-erbgħa MPEs Laburisti kienu fost minoranza żgħira ta’ MPEs soċjalisti li appoġġjaw ir-reżoluzzjoni.

Ir-riżoluzzjoni mressqa mill-grupp tal-lemin estrem Identità u Demokrazija kienet opposta b’aktar qawwa, u m’għaddietx b’138 vot favur u 499 kontra, b’56 astensjoni. Filwaqt li 5 MPE Maltin ivvutaw kontra r-riżoluzzjoni, Alfred Sant għażel li jastjeni.

L-aħbar ġiet milqugħa minn BirdLife Europe, li fakkret li l-użu taċ-ċomb jikkawża kontaminazzjoni li toqtol madwar miljun għasfur fis-sena fl-Ewropa.

Però, l-ADPD wrew id-diżappunt tagħhom għall-aġir tal-MPE Maltin.

“Uħud minn dawn l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin spiss jilagħbuha tal-ambjentalisti, meta filfatt juru biċ-ċar li jiġu jaqgħu u jqumu minn x’tgħid ix-xjenza u x’inhuma l-interessi vera tal-Maltin. Tant jiġu jaqgħu u jqumu li ma ddejqu xejn jingħaqdu mal-lemin estrem biex jivvutaw kontra abbozz ta’ proposti li jħares l-ambjent naturali u l-ispazji miftuħa tagħna. Għal darb’oħra il-Partiti Nazzjonalista u Laburista ingħaqdu biex iħarsu l-interessi egoistiċi tal-ftit, kontra l-interess komuni tagħna lkoll,” qal iċ-chairperson tal-partit Carmel Cacopardo.

Min-naħa tagħhom, Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti rringrazzjaw l-MPEs Maltin talli “ fehmu l-preokkupazzjonijiet tal-FKNK, li l-istess FKNK iddettaljat f’ittra li bagħtet lis-sitt Ewroparlamentari Maltin qabel ma kellu jittieħed il-vot.”

L-FKNK żiedet li l-għaqdiet għall-kaċċa fl-Ewropa wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi partijiet mill-proposta tagħha.