Il-Parlament Ewropew japprova rapport dwar sistema komuni ta’ taxxi

Il-Parlament Ewropew approva rapport dwar sistemi ta’ taxxi tal-kumpaniji fit-28 pajjiż membru tal-UE.
Ir-rapport hu wiesgħa u jolqot diversi aspetti tat-taxxi fuq kumpaniji, inkluż fuq multi-nazzjonali li, jipproponi, li għandhom jirrappurtaw it-taxxi tagħhom pajjiż pajjiż.
Ir-rapport jitlob ukoll li jkun hemm bażi konsolidata u komuni għat-28 pajjiż membru, f’dik li hi t-taxxa li jħallsu l-kumpaniji u iktar trasparenza u kontabilità fejn jidħlu deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali fuq it-taxxa ta’ ċerti kumpaniji, li, ġie spjegat, s’issa kienu jibqgħu sigrieti.
Is-sitt Ewroparlamentari Maltin, waqt li saħqu li huma lkoll favur iktar trasparenza u kontabilità u kontra l-evażjoni tat-taxxa, kollha vvutaw kontra dan ir-rapport. Insistew, li dan ma jagħtix kont tar-realtajiet ekonomiċi differenti tal-pajjiżi membri u jqis ekonomiji żgħar bħal dawk ta’ Malta fl-istess livell ta’ ekonomiji ferm ikbar, bil-konsegwenza li ekonomiji żgħar bħal f'Malta se jispiċċaw iġorru piż sproporzjonat.
Fl-istess ħin, insistew li r-rati ta’ taxxa li pajjiż ikollu għandha tibqa’ deċiżjoni tal-pajjiż li jiddeċiedi hu kemm din għandha tkun, mhux bil-fors l-istess rata għall-pajjiżi kollha.
Ir-rapport ġie approvat b’508 voti favur, 108 kontra u 85 astensjoni.