Il-Parlament Ewropew isemmi premju tal-ġurnaliżmu għal Daphne

Miguela Xuereb

Il-Bureau tal-Parlament Ewropew iddeċieda li joħloq premju għall-ġurnaliżmu investigattiv u jsemmih għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-proposta għal dan il-premju ddewmet sentejn, iżda l-premju tħabbar ilbieraħ uffiċjalment.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold qal li l-qtil biered tal-ġurnalista Maltija wera li l-libertà tal-istampa għandha tingħata iżjed stima fl-Ewropa. Il-politiku Ġermaniż spjega li l-għan tal-premju hu li jsaħħaħ il-ġurnaliżmu investigattiv u l-libertà tal-istampa fl-Ewropa. Qal li mingħajr ġurnaliżmu investigattiv bejn pajjiżi differenti, ma kienx ikun possibbli li jinkixfu skemi bħall-Panama Papers u LuxLeaks.

Giegold spjega li l-premju ngħata dan l-isem għax Caruana Galizia kienet l-unika ġurnalista f’Malta li rrappurtat b’mod daqshekk konsistenti fuq il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni f’Malta. Skontu, Caruana Galizia ġġiegħel lil dak li jkun jirrifletti wkoll fuq l-istandards etiċi u professjonali fil-ġurnaliżmu.

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ddeskriva lill-ġurnalista bħala waħda mill-aqwa u qal li ma kienet tibża’ minn xejn. Permezz ta’ dan il-premju, il-memorja tagħha għandha tinżamm ħajja u tispira lill-oħrajn, skont Casa. Casa se jkun wieħed minn dawk li jiddefinixxu ir-regoli ta’ dan il-premju.