Il-Parlament Ewropew irid ġustizzja għal Daphne – Tajani

F’laqgħa mal-MEPs Maltin tal-Partit Nazzjonalista, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani staqsa fuq il-progress li sar fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Tajani wiegħed lill-MEPs David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li l-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin biex isolvu dan il-każ, sabiex issir ġustizzja mal-ġurnalista.

Barra minn hekk, qal li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament qed jaħdem biex jintroduċi miżuri stretti fuq il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

Appoġġ lil Malta fl-immigrazzjoni

Suġġett ieħor diskuss f’din il-laqgħa kien l-immigrazzjoni, fejn Tajani enfasizza li l-Parlament Ewropew jissapportja lil Malta fl-isfidi li affaċċjat u għad trid taffaċċja.

Tajani insista li l-ebda pajjiż m’għandu jġorr dan il-piż waħdu.

Spjega li l-Parlament Ewropew qed jaħdem fuq soluzzjoni fit-tul għal din il-kwistjoni, li tinvolvi investiment fl-Afrika, u stabbiltà fil-Libja, wara li hu żar il-pajjiż din il-ġimgħa biex jiddiskuti x’possibiltajiet jeżistu.

Huwa semma wkoll possibbiltà ta’ ftehim ma’ pajjiżi bħan-Niġerja, li se jżur il-ġimgħa d-dieħla biex jippromwovi djalogu konkret.

Il-baġit tal-UE għal Malta

L-MEPs iddiskutew il-baġit ta’ €1.128 biljun tal-UE għal Malta, negozjati li jintemmu fl-2020.

Peress li fadal biss l-aħħar sena minn dan il-ftehim ta’ 7 snin, l-MEPs huma mħassba dwar kif dan se jaffettwa lil Malta, peress li issa se jitnaqqsu l-fondi tal-koeżjoni, li huma fattur importanti fl-ekonomija Maltija.