Filmat: “Il-qtil ta’ Daphne m’għandux jibqa’ għaddej b’impunità” – il-President tal-PE Tajani

Id-diskors tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani dwar Daphne Caruana Galizia:
Bħala President, bħala ċittadin, bħala ġurnalist, irrid nesprimi l-indinjazzjoni tiegħi għall-assassinju brutali ta' Daphne Caruana Galizia.
Kienet mara kuraġġuża, ġurnalista kbira. Fehmet sew l-essenza ta' din il-professjoni: li tinvestiga l-verità, fuq il-fatti, bla ma tħares lejn wiċċ ħadd. Ma beżgħetx taqdi dmirha sal-aħħar, bil-koerenza.
Fi tletin sena ta' karriera, qatt ma qatgħet qalbha. Baqgħet titfa' d-dawl fuq l-irkejjen mudlama, titkellem dritt, b'sens ta' responsabbiltà biss lejn il-qarrejja tagħha, l-uniċi li kienet tħoss li għandha tagħtihom rendikont. F'dan l-ispirtu, ippubblikat aktar minn 20 000 artiklu, li fihom iddenunzjat abbużi ta' poter, korruzzjoni, governanza ħażina.
Bħal kwalunkwe ġurnalista vera, kienet l-għassiesa, is-suldat fl-ewwel linja tal-front, fid-difiża tal-valuri tagħna. Huwa bis-saħħa ta' stampa ħielsa u indipendenti li nistgħu ngawdu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni. Id-drittijiet fundamentali kollha li fuqhom iserrħu l-bini tal-Ewropa u l-istess ċiviltà tagħna.
L-Unjoni tagħna hija wisq aktar minn sempliċiment suq jew munita. Hija r-rifless ta' dawn il-valuri, tal-identità tagħna, bid-dinjità u l-libertà tal-persuna fil-qalba tagħha. Biex niddefendu lill-Unjoni, ta' kuljum, fi ħdanha u lil hinn minnha, irridu naffermaw l-indipendenza tal-istampa. Jiena kburi li dan il-Parlament dejjem ħareġ bil-qawwa fuq dan il-front.
Jeħtieġ li l-qtil ta' Daphne ma jibqax għaddej bl-impunità. B'liema kredibbiltà nistgħu nkomplu niddefendu 'l-ġurnalisti fid-dinja jekk ma nkunux kapaċi nagħtuhom protezzjoni u ġustizzja f'darna stess?
Nistenna li l-awtoritajiet Maltin jagħmlu kull sforz biex jitfgħu d-dawl fuq din il-ġrajja. Kull pista trid tiġi segwita. Insostni li jeħtieġ li jkun involut ukoll l-Europol, fil-qafas ta' investigazzjoni internazzjonali li fiha l-forzi tal-pulizija kollha jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex dawk li wettqu dan id-delitt jingħataw il-kundanna li ħaqqhom.
L-eżempju li tatna Daphne qatt m'għandna ninsewh. Flimkien mal-Viċi Presidenti u l-Kwesturi, iddeċidejna li l-kamra tal-konferenzi stampa tal-Parlament hawnhekk fi Strasburgu tibda ġġib isem Daphne Caruana Galizia.
Fil-gallerija llum għandna magħna l-familja tagħha. Nixtiequ nesprimu s-solidarjetà tagħna magħhom, flimkien ma' eluf ta' Maltin li l-Ħadd li għadda ħarġu fit-toroq biex jesiġu l-ġustizzja u jfakkru l-impenn tagħha.
Nitlobkom issa tinġabru f'minuta silenzju b'tifkira ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia kellha laqgħa privata ma’ Tajani.
Il-bieraħ tħabbar li s-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu se tkun qed tissemma għal Daphne Caruana Galizia