Il-Parlament diżinfettat, diskussjoni fuq il-mini baġit fil-ġranet li ġejjin

Il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar insista mal-Gvern biex jippubblika l-pakkett finanzjarju l-ġdid wara li lbieraħ il-Prim Ministru wera l-intenzjoni li jħabbar pakkett ġdid. 

Meta kien qed jitkellem fil-bidu tas-seduta parlamentari, Cutajar qal li filwaqt li l-Gvern ma qabilx li l-aġenda tal-parlament tiġi sospiża biex jiddiskuti dan il-pakkett finanzjarju, fil-jiem li ġejjin. Madanakollu, hu appella lill-Gvern biex sat-tali seduta, il-pakkett il-ġdid ikun żvelat. 

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield wieġeb li hu responsabbli mid-deputati Laburisti u mhux mix-xogħol tal-Gvern.

Il-bibien tal-ħwienet magħluqin… il-legal notice baqgħet ma ħariġtx

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo waqt li kien qed jitkellem fit-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi dwar id-devoluzzjoni ta’ ċerti setgħat ministerjali, qal li l-legal notice dwar l-għeluq tal-ħwienet mhux essenzjali kienet baqgħet ma ħarġitx sa tard filgħodu minkejja li l-ħwienet mhux essenzjali ġew obbligati li ma jiftħux il-bibien fit-8 ta’ dalgħodu.

Vassallo, li hu sid ta’ ħanut qal li serraħ rasu meta lbieraħ filgħaxija l-Gvern ħareġ stqarrija għall-istampa dwar l-għeluq tal-ħwienet mhux essenzjali, iżda fl-istqarrija ma kienx hemm il-lista tal-ħwienet li m’għandhomx jiftħu mit-Tnejn filgħodu. 

Huwa qal li l-helpline tal-Malta Enterprise li hu ntiż li jagħti għajnuna lill-intrapriżi Maltin dalgħodu kien iġġammjat waqt li sidien tal-karozzini ntqalilhom li m’huma intitolati għal xejn għax il-Gvern mhux iwaqqafhom minn xogħolhom.

Il-Parlament iddiżinfettat

Cutajar irringrazzja lill-Ispeaker Anġlu Farrugia wara li l-Parlament ġie ddiżinfettat qabel is-seduta. Il-fumigazzjoni ma saritx biss fis-sala fejn issir il-plenarja iżda wkoll fil-kmamar tal-Gvern u l-Oppożizzjoni. Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone jirringrazzja lill-Ministru għall-Kultura u Gvern Lokali Josè Herrera talli bdiet il-fumigazzjoni fil-postijiet pubbliċi.

L-Arkivji Nazzjonali magħluqa

Herrera qal li llum għalaq l-arkivji nazzjonali li xorta jistgħu jiġu aċċessati onlajn.  Huwa qal li flimkien mal-Ministru Carmelo Abela, responsabbli mix-xandir pubbliku qed jaħdmu fuq numru ta’ programmi li għandhom jixxandru fuq it-TVM bl-għan li issa li l-istudenti jinsabu d-dar ikollhom aċċess għal numru ta’ programmi kulturali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn