Il-Parlament jiddiskuti liġi dwar regolatur fuq servizzi ta’ wens u ħarsien

L-Awtorità dwar standards ta’ ħarsien għandha tkun indipendenti mill-Gvern u l-Membri kollha għandhom ikunu maħtura mill-President u mhux mill-Gvern.
Dan qalitu d-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici waqt id-diskussjoni fit-tieni qari l-Abbozz ta' Liġi dwar l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien. L-Abbozz kien tressaq oriġinarjament quddiem il-Parlament mill-eks Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, llum President, Marie Louise Coleiro, f’Marzu 2014, iktar minn sentejn ilu.
Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia spjega li l-Att se jkun qed jistabbilixxi awtorità li sservi ta’ regolatur tal-entitajiet kollha pubbliċi jew privati li huma impenjati fil-ħidma ta’ ħarsien soċjali, għajnuna u servizzi simili mogħtija lill-individwi.
Fost l-oħrajn, l-Awtorità se tkun qed toħroġ liċenzi u permessi lil min jipprovdi ħarsien u wens u tistabbilixxi reġistru ta’ care workers u tirregola l-ħidma ta’ dawn. Se tkun ukoll responsabbli li tistabbilixxi standards ta’ ħidma kif ukoll tinforza l-mod kif dawn jiġu applikati. Barra minn hekk, se ddaħħal ukoll fis-seħħ proċeduri għall-istħarriġ ta’ lmenti kontra minn jipprovdi l-ħarsien, u tipprovdi mekkaniżmi biex min ma jimxix mar-regolamenti jiġi mwiddeb, jeħel multa jew tkun li sospiża l-liċenzja.
Farrugia qal li istituzzjonijiet li llum qed joffru dan is-servizz se jingħataw sena biex jiksbu liċenzja.
Mifsud Bonnici sostniet li l-Awtorità għandha kollha kemm hi tkun maħtura mill-President, u dan biex din tkun tassew indipendenti mill-Gvern li huwa stess hu provditur ta’ servizzi ta’ ħarsien u wens u għalhekk l-Awtorità ma għandux ikollha xkiel biex ma tieħux azzjoni kontra l-gvern stess. Qalet ukoll li għandu jkun żgurat li l-membri kollha tal-Awtorità ma jkollhom ebda forma ta’ interess ieħor dirett jew indirett kemm permezz ta’ familji, kif ukoll eks relazzjonijiet ta’ negozju jew impjieg. Saħqet li huwa importanti li l-persuni jkollhom il-kwalifiċi neċessarji u dan fid-dawl tal-fatt li llum is-servizz ħa daqqa lura għax nies maħtura ma kellhomx idea dwar x’għanhom jagħmlu jew kif imexxu.