Il-Parlament Awstraljan jerġa’ lura minn deċiżjoni kontra l-burka

Fl-Awstralja, il-Parlament reġa’ lura mid-deċiżjoni ta’ ftit ġimgħat ilu, biex issa se jippermetti lil nisa lebsin il-burka jew niqab jidħlu fil-bini mingħajr xkiel.
Fil-bidu t'Ottubru, il-Parlament Awstraljan kien iddeċieda li nisa lebsin il-velu Musulman m’għandhomx jitħallew fl-Istrangers Gallery imma f’gallarija iktar ‘il fuq wara l-ħġieġ, f’taqsima li s-soltu tintuża minn gruppi ta’ tfal tal-iskola fi żjarat edukattivi. Ir-raġuni kienet is-sigurtà.
Madankollu issa, l-uffiċċjali tas-sigurtà se jkunu qed jiċċekkjaw lil dawk kollha li jidħlu fil-bini, u fil-każ ta’ nisa bil-velu, se jkunu mġegħla jikxfu wiċċhom għall-kontroll, imbagħad jitħallew imorru fejn iridu.
Id-deċiżjoni ntlaqgħet minn gruppi ta’ Musulmani fil-pajjiż, li kienu kkritikaw b’mod qawwi l-ewwel deċiżjoni, li kienu sejħulha “diskriminatorja”.