Il-Parlament Amerikan jipproteġi aġenziji reliġjużi tal-adozzjonijiet

Il-Kumitat ta’ Approprjazzjoni tal-Kamra tad-Deputati Amerikana approva emenda li permezz tagħha se jipproteġi l-libertà reliġjuża u d-drittijiet ta’ kuxjenza ta’ aġenziji ta’ adozzjoni reliġjużi.

Liġi dwar il-finanzjament ta’ dawn l-aġenziji kienet tgħid li dawk l-aġenziji li ma jridux ipoġġu tfal ma’ koppji tal-istess sess ma jingħatawx għajnuna.  Iżda bl-emenda tad-Deputat Republikan Robert Aderholt, il-liġi nbidlet.

Fi stqarrija mxandra fuq is-sit elettroniku tiegħu, Aderholt qal li n-numru ta’ każi li jinħtieġu nies biex jieħdu ħsiebhom sploda u hemm bżonn l-aġenziji reliġjużi biex jassistu f’din il-kriżi

Madankollu, diversi stati u lokalitajiet madwar il-pajjiż mhux qed iħallu organizzazzjonijiet reliġjużi bħalma huma l-aġenziji Kattoliċi jaħdmu favur il-ġid tat-tfal għax qed jirrifjutaw li jpoġġu tfal ma’ koppji tal-istess sess, skont it-twemmin reliġjuż tagħhom.

Id-Deputat żied jgħid li bl-emenda li ressaq u kienet approvata, din id-diskriminazzjoni reliġjuża kontra dawn l-aġenziji se tieqaf.  L-emenda tobbliga lid-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani jżomm 15% tal-fondi federali għal servizzi favur it-tfal fi stati li ma jħallux aġenziji reliġjużi joperaw skont it-twemmin reliġjuż tagħhom.

Diversi aġenziji reliġjużi f’numru ta’ stati kellhom jagħlqu t-taqsima tal-adozzjonijiet għax ma ridux imorru kontra t-twemmin reliġjuż tagħhom.