Il-Parlament aġġorna kmieni għax ma kien hemm ħadd biex jitkellem

Il-Parlament illejla aġġorna qabel il-waqt hekk kif ma kien hemm ebda deputat biex jitkellem.
Matul is-Seduta tal-lejla, il-Kamra għaddiet b’mod unanimu mit-Tieni Qari u minn stadju ta’ Kumitat l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Parteċipazzjoni fil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju taħt il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Eventwalment, hekk kif il-Parlament ġie biex jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi dwar il-villifikazzjoni tar-reliġjon, ebda deputat ma qam biex jitkellem. Dan wassal biex l-Ispeaker Anġlu Farrugia, l-ewwel issospenda s-seduta, u wara aġġorna l-kamra għal għada.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-maġġoranza tiegħu, il-Gvern 'abbanduna il-Parlament' u ddeskriva dak li ġara fil-kamra tad-deputati llejla bħala ‘bla preċedent’ u li juri nuqqas ta’ rispett lill-Parlament.