Il-parkeġġ tal-Pixxina Nazzjonali se jibqa’ bla ħlas

Il-Kunsill Malti għall-Isport qal li l-parkeġġ tal-Pixxina Nazzjonali se jkun mingħajr ħlas, b’kuntrarju għal dak li qed jingħad.

Fi stqarrija, il-KMS sostna li l-problema tal-imblukkar tal-aċċess tal-Pixxina Nazzjonali u l-ipparkjar mingħajr ebda sistema, ilha s-snin teżisti mingħajr ma ġiet indirizzata. Jgħid li din is-sitwazzjoni setgħet twassal biex ma jkunx hemm aċċess għall-vetturi ta’ emerġenza f’każ ta’ xi inċident.

Il-Kunsill Malti għall-Isport isostni li biex tiġi indirizzata din il-problema qed isiru xogħlijiet biex jiżdied in-numru ta’ parkeġġi u jkun hemm sistema aħjar tal-immaniġġjar tat-traffiku.

Ix-xogħol se jkun lest fi żmien jumejn oħra. 

Aktar kmieni fi stqarrija l-KSU talbet spjegazzjoni għall-għeluq tal-parkeġġ tal-pixxina, li għandu lok li jiggrava s-sitwazzjoni eżistenti tal-parkeġġ fl-Università ta’ Malta u l-inħawi.