Il-parkeġġ tal-Isptar San Luqa dalwaqt b’dehra ġdida

Din il-ġimgħa mistennija jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-parkeġġ li jintuża minn dawk li jiffrekwentaw iċ-Children Development Assessment Unit (CDAU) fl-Isptar San Luqa. Dan wara l-bosta appelli minn dawk li jużawh.
Fil-jiem li għaddew, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità kienet ukoll ħabbret dan fuq Facebook.
RTKNews huwa infurmat li x-xogħol huwa lest jew fi stadju avvanzat u li għada s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon, se jagħti d-dettalji dwar dak li sar fl-aħħar ġimgħat fuq dan il-parkeġġ.
Wara li omm ta’ tifel li jirċievi t-trattament fis-CDAU tkellmet ma’ RTKNews dwar is-sitwazzjoni mwiegħra f’dan il-parkeġġ, is-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa qal li ħatar uffiċjal biex jidentifika l-prijoritajiet ewlenin fost l-oħrajn il-parkeġġ għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Ma’ RTKNews l-omm kienet qalet li mhux l-ewwel darba li tilfet l-appuntament ta’ binha minħabba n-nuqqas ta’ parkeġġ fl-inħawi. Spjegat li l-parkeġġ huwa dilapidat u hemm ftit spazji riservati għal dawk bil-badge blu.
Hija lmentat ukoll dwar l-iżdingar li hemm fit-Taqsima nnifisha.