​“Il-Park tal-Majjistral spiċċa art glorifikata għall-kaċċa u l-insib” – NGOs

Il-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral li tinkludi fiha tliet għaqdiet ambjentali, qalet li l-membri parlamentari wrew li għalihom, il-voti huma iktar importanti mill-ambjent. Waslu biex jiddeskrivu dan il-park bħala “medda ta’ art glorifikata għall-kaċċa u l-insib”.
L-għaqdiet Nature Trust Malta, Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni Gaia qalu li bilkemm setgħu jemmnu d-deċiżjoni tal-partiti politiċi l-kbar li permezz tagħha ġie estiż il-ħin tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral. Qalu li dan sar wara li huma irrikmandaw lill-Gvern b’mod unanimu, li estensjoni bħal din tmur kontra r-raġuni essenzjali li għaliha kien inħoloq l-ewwel park nazzjonali f’Malta.
L-għaqdiet sostnew li s-sitwazzjoni qed issir iktar assurda fl-isfond tal-fondi tal-Gvern biex isir titjib f’dan il-park. Qalu li dan it-titjib issa se jsir biex jitgawda mill-kaċċaturi u n-nassaba.
Temmew jgħid li għal kuntrarju ta’ dak li qal il-Ministru tal-Ambjent, kien hemm mal-4,000 petizzjoni li ntbagħtu lilu personalment sabiex jiġu revokati s-sigħat estiżi.