Il-Park tal-Familja ingħalaq għalxejn – PN

Ma kien hemm ebda raġuni għaliex kellu jingħalaq il-Park tal-Familja, dan sostnieh, George Pullicino, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-park stess. 

George Pullicino kompla kif l-għeluq tal-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn hi storja ta’ kontradizzjonijiet u d-data xjentifika kollha li nġabret fl-aħħar xahar mill-MEPA b’moniteraġġ tal-kwalità tal-arja tikkonferma li m’hemm l-ebda raġuni ta’ saħħa valida għaliex kellu jingħalaq il-park.

Il-Park tal-Familja ingħalaq wara li l-Ministru Leo Brincat ippubblika rapport li jgħid li minħabba li kienet żviluppat ħsara f’makkinarju tal-Impjant ta’ Sant Antnin, magħruf bħala hydroliser, kienu se jiżdiedu l-emissjonijiet ta’ kubrit b’detriment għall-familji.

George Pullicino saħaq li r-riżultati tal-moniteraġġ tal-kwalità tal-arja mill-MEPA jitkellmu waħedhom. Minkejja li l-Ministru Brincat għadu ma sewwiex il-hydrolyser għalkemm għaddew kważi erba’ xhur minn meta żviluppat il-ħsara, il-livelli ta’ sulphur dioxide fl-arja huma biss persentaġġ żgħir ħafna tal-massimu stabbilit mill-Unjoni Ewropea. Altru milli l-kwalità tal-arja hija ta’ periklu għall-familji d-data turi li l-kwalità tal-arja fil-Park tal-Familja hi ta’ livell tajjeb.

Intant fi tweġiba għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima qal illi l-Gvern għalaq temporanjament il-Park tal-Familja bħala prekawzjoni għall-familji. L-eżerċizzju ta’ moniteraġġ tal-arja s’issa juri li għalkemm fl-ebda okkażżjoni l-medja ta’ emissjonijiet ta’ kubrit ma ġewx qrib il-livell aċċettat mill-Unjoni Ewropeja, mir-recordings l-aktar li telgħu s’issa dawn l-emissjonijiet kien għal 11.4% tal-medja aċċettabbli fuq bażi ta’ kuljum. Dan filwaqt li l-medja tul kemm ilu jsir il-moniteraġġ laħqet s’issa t-3.3% tal-limiti stabbiliti mill-Unjoni Ewropeja. Biex isir eżerċizzju bħal dan bis-serjetà l-moniteraġġ ma jistax isir fuq żmien qasir.