Aġġornata: Il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn se jinfetaħ mill-ġdid nhar it-Tlieta

Wara li l-Ministru Leo Brincat ħabbar li l-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn se jerġa’ jinfetaħ fl-1 ta’ Ottubru, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru Brincat se jkun żamm dan il-park magħluq b’mod kapriċċuż għal 74 ġurnata.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna li din l-istorja ma kienet xejn għajr vendikazzjoni fuq il-familji tan-nofsinhar tal-pajjiż, u fuq proġett li sar b’fondi mill-Unjoni Ewropea. Huwa stmat li madwar 30,000 persuna kienu jżuru dan il-park f’kull tmiem il-ġimgħa.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li din il-farsa hija simbolu tal-irresponsabbiltà tal-Ministru Leo Brincat.

Aktar kmieni:

Il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn se jinfetaħ mill-ġdid nhar it-Tlieta li ġej. Il-Ministru Leo Brincat ħabbar dan waqt li kienu qed jieħu sehem fi programm fuq l-istazzjon tar-radju One. Dan hekk kif ġie aċċertat li l-emissjonijiet mill-impjant kienu taħt il-limiti tal-livelli stabiliti mill-Unjoni Ewropeja.

Il-Ministru tal-Ambjent spjega li l-Park tal-Familja ser jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku wara li qed jiġu ndirizzati nuqqasijiet marbutin ma’ saħħa u sigurtà. Intqal li ġew indirizzati b’mod sħiħ zoni fejn jilagħbu t-tfal akkumpanjati mill-ġenituri, skont l-istandards mitluba. Dan filwaqt li xogħolijiet oħra se jkomplu fil-jiem li ġejjin.

Kien spjegat ukoll li l-Gvern waqqaf Family Park Management Unit li se jkun responsabbli għat-tmexxija tal-park, kif ukoll biex jitfassal pjan għall-immaniġġjar u l-manutenzjoni tal-park.

Il-Ministru Leo Brincat ħabbar ukoll li l-Gvern kien għadu kif għadda s-somma ta’ kwazi €112,000 dovut lill-Heritage Parks Federation għas-snin 2011-2012.