Il-Paralimpika Giusy Versace se tattendi l-Isport Malta Awards 2018

Giusy Versace se tkun il-personalita' tal-58 Edizzjoni tal-Isport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali, li se tkun qed tippremja l-kisbiet tal-atleti u uffiċjali Maltin għal matul is-sena 2017.
L-Isport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali se jsiru nhar is-Sibt 17 ta' Frar u s-serata se tixxandar diretta fuq TVM2.
F’Awissu tal-2005 Giusy Versace tilfet riġlejha t-tnejn f’inċident tat-traffiku. Sentejn wara, Versace reġgħet bdiet issuq, filwaqt li fl-2011 waqqfet l-assoċjazzjoni ‘Disabili No Limits’ f’mument meta bdiet karriera fl-atletika.
Dik is-sena stess, fi Spanja għamlet il-100 metru fi 15.50 sekondi, iżda minkejja dan ma kienx biżżejjed biex tikkwalifika għal Parolimpijadi ta’ Londra fl-2012.
Fl-2014 għamlet il-100 metru f’ħin record ta’ 14.44 sekondi u l-200 metru f’27.95 sekondi, filwaqt li ddebuttat wkoll fl-400 metru b’1 minuta 4.21 sekondi.
Fl-2015 ħadet sehem fil-Kampjonati tad-Dinja fil-Qatar, fejn spiċċat fit-tmien post fil-finali tal-200 metru bi 28.77 sekondi.
Imbagħad fl’2016, kisbet il-medalja tal-fidda fil-200 metru bi 28.07 sekondi u rebħet il-bronż fl-400 metru f’1 minuta 5.31 sekondi fil-Kampjonat tal-Ewropa. B’dawn ir-riżultati kkwalifikat għall-Olimpijadi ta’ Rio, fejn fil-finali tal-200 metru temmet fit-tmien post fi 28.90 sekondi.