Il-papri fis-Salini bl-influwenza u s-salmonella – ERA

Aġġornat 12:47 PM
Robert Cutajar / Facebook

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħabbret li l-papri li jinsabu fis-Salini huma infettati bl-influwenza tal-għasafar (avian flu) u bis-salmonella, u għalhekk, huma ta’ riskju għall-annimali l-oħrajn fiż-żona, u anke għas-saħħa pubblika u għall-ikel.

Fi stqarrija maħruġa tard ilbieraħ filgħaxija, l-awtorità qalet li saru testijiet fuq il-papri permezz tad-Diviżjoni Regolatorja tal-Veterinarji u l-Pjanti (VRPD). Fl-1 ta’ Lulju ħarġu r-riżultati li l-papri fil-fatt huma infettati b’dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

Ir-riskju għall-ikel, qalet l-ERA, ġej mill-fatt li fl-istess post fejn hemm il-papri kien hemm it-tiġieġ li jintużaw għall-ikel, jiġifieri dawn jaf ittieħdu.

Il-Ministeru għall-Ambjent issa qiegħed jikkonsulta mad-Diviżjoni Regolatorja tal-Veterinarji u l-Pjanti (VRPD) sabiex flimkien jaħsbu fi pjan ta’ azzjoni sabiex dawn il-papri jitneħħew.

Ġie spjegat ukoll li l-papri inkwistjoni huma papri domestiċi selvaġġi u mhumiex nattivi għall-Gżejjer Maltin. Huma jiddependu fuq fatturi esterni u fuq interventi umani, u dan joħloq żbilanċ kbir fl-istat naturali tal-ilma u fil-bijodiversità fiż-żona. Dawn il-papri domestiċi selvaġġi jagħmlu ħsara diretta lill-ambjent billi jibdlu l-abitat fejn jgħixu, u jżidu r-riskji tal-kontaminazzjoni tal-ilma. Minħabba dan, hemm riskju għall-ħut u speċi oħra li jiddependu mill-ilma fiż-żona.

Apparti dan, saru xi bidliet mhux awtorizzati fiż-żona sabiex jakkomodaw lil dawn il-papri. L-ERA, għalhekk, kienet ħarġet ordni ta’ twaqqif fuq din il-kwistjoni, u t-testijiet li saru fuq il-papri kienu parti minn din il-biċċa xogħol.

Ilbieraħ, l-għaqda BirdLife semmgħet leħinha fuq il-kwistjoni. Stqarret li huwa ċar li dawn il-papri jinsabu morda u hemm bżonn li tittieħed azzjoni sabiex tiġi mħarsa l-benesseri tal-papri domestiċi flimkien mal-abitat naturali ta’ din iż-żona li hija sit Natura 2000 u żona speċjali ta’ konservazzjoni.

Jumejn ilu, il-Membru Parlamentari Robert Cutajar ukoll xerred kitba fuq il-midja soċjali bit-tħassib tiegħu dwar kif qegħdin imutu l-papri fis-Salini.

Nappella lill-awtoritajiet koncernati sabiex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex mhux biss jinġabbru l-papri li qed…

Posted by Robert Cutajar on Wednesday, July 1, 2020

L-ebda riskju għall-bnedmin – Ministeru għas-Saħħa

Stqarrija maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa tgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa, flimkien mad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju, jixtiequ javżaw lill-pubbliku li l-papri fir-Riserva Naturali tas-Salini ġew ittestjati pożittivi għall-Influwenza A (H6Nx).

L-evidenza epidemjoloġika turi li m’hemm l-ebda riskju magħruf ta’ mard fil-bnedmin minn esponiment għal annimali infettati b’din it-tip ta’ influwenza. Is-sitwazzjoni qed tiġi mmonitorjata mill-qrib u qed jittieħdu azzjonijiet xierqa skont il-każ mill-awtoritajiet veterinarji.

Il-pubbliku huwa mitlub li jieħu dejjem il-prekawzjonijiet meħtieġa meta jittratta mal-annimali.