Il-papra b’76 fellus warajha

Papra responsabbli ħadet għadd ta’ flieles dawra fuq Lake Bemidji f’Minnesota, l-Istati Uniti u fotografu irnexxielu jaqbad il-mument uniku.

Kulħadd impressjonat bl-għadd kbir ta’ papri żgħar li ġabret f’linja dritta warajha: 76 b’kollox.

Ħadd ma basar li papra tista’ tieħu ħsieb daqstant papri ċkejknin. L-esperti spjegaw li l-papri spiss ibidu l-bajd f’bejtiet oħra minbarra f’tagħhom. Dan minbarra li meta l-flieles jinfirdu minn mal-ommijiet tagħhom, l-istint jgħinhom biex isegwu omm oħra.

Jidher ukoll li diversi tipi ta’ għasafar iħaddmu sistema ta’ day care, fejn il-papri ommijiet jħallu ż-żgħar tagħhom fil-kura ta’ papra kbira li jkollha esperjenza fit-trobbija taż-żgħar.

Din l-omm mistennija tieħu ħsieb dawn iż-żgħar għal għadd ta’ ġimgħat oħra sakemm jikbru biżżejjed biex jitilqu għal rashom.