Il-Papa wera x-xewqa li jżur is-Sudan t’Isfel

“Il-Papa wera x-xewqa li jżur is-Sudan t’Isfel biex ikun qrib il-poplu li qed isofri. Qed nistennew biex naraw meta se jiġi”.
Dan qalu Fr. James Oyet Latansio, Segretarju tal-Kunsill tal-Knejjes tas-Sudan t’Isfel, wara udjenza li kellu mal-Papa Franġisku.
Is-saċerdot, li kien qed iżur il-Komunita ta’ San Egidio f’Ruma, qal “nafu li mhux se jkollna sigurtà mija fil-mija imma jekk il-Papa jiddeċiedi li jiġi jżurna kif għamel fil-Mjanmar u r-Republika tal-Afrika Ċentrali, aħna nieħdu gost nagħtuh merħba”.
Hu qal li l-Papa xtaq li jmur fil-pajjiż flimkien mal-Arċisqof ta’ Canterbury u mal-mexxejja tal-Knisja Presbiterjali tal-Iskozja għax irid li dan ikun vjaġġ ekumeniku.
Fl-udjenza li kellu ma’ disa’ delegati tal-Knejjes Insara – Kattoliċi, Presbiteri tas-Sudan t’Isfel, Pentekostali tas-Sudan, Episkopali, u l-Knisja Afrikana – il-Papa sema' dettalji dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż fejn sa mill-2013 ilu għaddej ġlied intern li wassal biex madwar seba’ miljun persuna għandhom ħtieġa urġenti ta’ għajnuna umanitarja, filwaqt li madwar żewġ miljun persuna oħra ħarbu mill-pajjiż lejn l-Etjopja, is-Sudan, il-Kenja u l-Kongo.
“Bħala knejjes aħna ngħaqadna biex naħdmu għall-paċi”, qal Fr. Latansio. “Għidna lill-Papa x’qed nagħmlu biex inġibu l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni. Il-Papa qalilna li jġorr f’qalbu s-sofferenza tal-poplu tas-Sudan t’Isfel u sakemm xi ħadd fil-Knisja jkun qed isofri hu ma jsibx paċi”.
F’dawn l-aħħar snin il-Knejjes fis-Sudan t’Isfel kienu imexxu inizjattiva għall-paċi u talbu lill-mexxejja tal-pajjiż biex iwaqqfu l-ġlied. 
Il-Komunità ta’ San Egidio qed tgħin lill-Kunsill tal-Knejjes fl-isforzi tagħhom.