Il-Papa u l-Arċisqof fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa

Illum il-Knisja Kattolika tat il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa li twassal għaċ-celebrazzjoni tal-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu.

L-Arċisqof Charles Scicluna tkellem fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann dwar Ġesù li kien ikkundannat iżda kien innoċenti u li fuq is-salib sar l-avukat tal-umanità kollha meta talab lill-missieru biex jaħfer lil min ħaqru

Il-Papa Franġisku fi pjazza San Pietru quddiem folol kbar ta’ nies appella lill-Knisja biex tkun umli. Huwa enfasizza l-importanza li wieħed jegħleb it-tentazzjonijiet tat-trijonfaliżmu u jibqa’ umli.

“Għamlu dan b’tifkira tiegħi”

L-Arċisqof qal li il-kliem ta’ Ġesù “għamlu dan b’tifkira tiegħi” huma wkoll il-kmandament li aħna nħaddmu f’din il-Ġimgħa Qaddisa, qal l-Arċisqof.

L-Arċisqof semma li l-Mulej jifhem li huwa sinjal ta’ kontradizzjoni. Huwa fakkar li meta Marija ppreżentat lil Ġesù fit-tempju, Xmun qallha li Ġesù għandu jkun sinjal ta’ kontradizzjoni u lilha sejf għandu jniffdilha qalbha.

Fost il-kliem ta’ kundanna li f’dawn il-ġranet nisimgħu jingħad lil Ġesù nisimgħu wkoll kliem li jiddikjara l-innoċenza tiegħu, qal l-Arċisqof. Huwa semma li kien Pilatu stess qal li ma jsib l-ebda ħtija fih u anke l-ħalliel t-tajjeb irrepeta l-istess kliem. L-innoċenza ta’ Ġesù tintwera wkoll kemm miċ-ċenturjun kif ukoll minn Ġużeppi ta’ Arimatea.

Aqra: “Ikkundannat iżda innoċenti” –L-Arċisqof

Il-Papa jwissi kontra t-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu

Fl-omelija tiegħu il-Papa Franġisku wissa kontra t-tentazzjoni tat-trijumfaliżmu u nkoraġġixxa lill-Kattoliċi biex jimxu wara Kristu fl-umilta’ u l-ubbidjenza li wera waqt il-passjoni.

Il-Papa talab għall-grazzja li “bil-fidi nimxu wara l-eżempju li Kristu jagħtina ta’ umilta’ u għal-lezzjoni li jagħtina għall-paċenzja fit-tbatija biex ikollna sehem fir-rebħa tiegħu fuq l-ispirtu tal-ħażen.”

Franġisku qal li Kristu rebaħ it-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu bit-triq tal-umilta’. Huwa spjega li t-trijonfaliżmu jwassalna għall-kompromessi foloz li ma jkunux imsejsa fuq is-Salib.

“Ġesu’ jurina li għandna niffaċċjaw il-mumenti diffiċli billi b’fiduċja sħiħa nintelqu fil-Missier li jagħti l-ħajja u l-maħfra.”

Aktar ċelebrazzjonijiet fil-Ġimgħa Mqaddsa

Intant F’Ħamis ix-Xirka, fid-9.15am l-Arċisqof se jkun qed jikkonċelebra quddiesa fejn fiha jitbierek iż-żejt li jintuża matul is-sena fiċ-ċelebrazzjonijiet Liturġiċi. Filgħaxija se jkun qed jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tat-Tifkira Solenni tal-ikla tal-Mulej bil-ħasil tar-riġlejn.

Il-Ġimgħa f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30pm l-Arċisqof se jkun qed imexxi t-Tifkira Soleni tal-Mewt tal-Mulej. Sibt il-Għid, l-Arċisqof Scicluna se jkun qed imexxi il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet. Il-Vġili se tibda fit-8pm.Fl-10.30am, il-Ħadd, l-Arċisqof se jkun qed imexxi l-Quddiesa tal-Għid tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet.

Aqra: Dak kollu li għandek tkun taf dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa