Il-Papa talab maħfra personalment lil tliet vittmi tal-abbużi sesswali fiċ-Ċilì

“Qatt ma rajt bniedem sogħbien daqshekk dwar dak li kien qed jgħid. Naħseb li kien imweġġa'. Ma nafx x’kelma naqbad nuża għax mhux spiss tisma’ lill-Papa jitolbok skuża u jagħmillek apoloġija. Qalli ‘Jien kont parti mill-problema, jien ikkaġunajt dan u jiddispjaċini'”.
Kliem Juan Carlos Cruz, wieħed mill-vittmi tal-abbużi sesswali fiċ-Ċilì wara laqgħa li kellu mal-Papa Franġisku aktar kmieni din il-ġimgħa. Il-Papa ltaqa’ ma’ tlieta minn dawn il-vittmi u għamlilhom apoloġija talli ma ħax bis-serjetà biżżejjed l-akkużi li kien hemm min ried jaħbi dawn l-abbużi.
Jose Andres Murillo, vittma ieħor li ltaqa’ mal-Papa qal “Ilkoll kellna esperjenza differenti u għalkemm talabna skuża, issa qed nistennew azzjoni. Aħna dejjem għidna li rridu u qed nistennew azzjoni mhux sempliċi eżerċizzju fir-relazzjonijiet pubbliċi”.
Il-Papa Franġisku stieden lil Cruz, Murillo u magħhom lil James Hamilton biex joqogħdu fid-Domus Santa Marta, ir-residenza tiegħu fejn jgħix u l-ewwel iltaqa’ magħhom wieħed wieħed u mbagħad it-tliet flimkien.
Dawn it-tlieta u oħrajn mgħhom akkużaw lill-Isqof Juan Barros ta’ Osorno li meta kien għadu saċerdot kien ra l-abbużi jitwettqu fuqhom u ma rrappurtax lil Fr Fernando Karadima li abbuża minnhom.
Fl-2011, fl-età ta’ 81 sena, Karadima kien tneżża’ minn saċerdot u ordnat “jirtira f’ħajja ta’ talb u penitenza” mill-Vatikan”.  Hu dejjem ċaħad dawn l-akkużi u bħalissa qed jgħix f’dar tal-anzjani.
Aktar kmieni, l-Papa Franġisku kien apoloġizza li ma apprezzax biżżejjed is-serjetà tal-kriżi tal-abbużi sesswali fiċ-Ċilì, u ammetta li għamel “żball kbir” bil-mod kif ittratta l-kwestjoni.
F’ittra li bagħat lill-Isqfijiet Ċileni il-Papa qal “għamilt żball kbir fl-apprezzament tas-sitwazzjoni, partikolarment minħabba nuqqas ta’ verità u informazzjoni bbilanċjata. Nitlob maħfra lil dawk kollha li offendejt u nittama li jkolli ċans nagħmel dan personalment fil-ġimgħat li ġejjin".
Il-Papa sejjaħ lill-34 Isqof Ċilen biex imorru l-Vatikan biex jiltaqgħu miegħu u jfittxu passi immedjata u fit-tul biex jerġa’ jkun hemm għaqda ekkleżjali fil-pajjiż, jissewwa kemm jista’ jkun dan l-iskandlu u ssir ġustizzja.  Din il-laqgħa mistennija ssir bejn l-14 u s-17 ta’ dan ix-xahar.
“Għal kważi 10 snin konna meqjusa bħala għedewwa għax iġġilidna kontra l-abbużi sesswali u dawk li ħbewhom fi ħdan il-Knisja. F’dawn l-aħħar jiem rajna l-wiċċ pożittiv tal-Knisja, ferm differenti minn dak li rajna qabel”, qalu l-vittmi, li kkritikaw lill-Isqfijiet ta’ pajjiżhom li taw informazzjoni ħażina lill-Papa dwar dawn l-abbużi.
Il-kardinal ta’ Santiago, Riccardo Ezzati ċaħad li hu ta informazzjoni ħażina lill-Papa u qal li dawk li wettqu din l-offiża serja, għandhom jagħrfu li żbaljaw, jindmu u jsewwu l-ħażin li għamlu. Hu għamel appell lill-Isqof Barros biex iwarrab għall-ġid tal-poplu t’Alla u tal-Knsija.