Il-Papa se jżur żoni fl-Italja ċentrali li kienu ntlaqtu minn terremoti

Il-Papa Franġisku meta sentejn ilu żar żona milquta minn terremot fl-Italja

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku, fis-16 ta’ Ġunju li ġej se jżur żoni fl-Italja ċentrali li kienu ntlaqtu minn terremoti fir-reġjun tal-Marche, fl-Italja.

Fl-24 ta’ Awwissu tal-2016 terremot qawwi kien laqat il-belt muntanjuża ta’ Amatrice u ħalla kważi 300 persuna mejta u oħrajn bla dar.  Madwar xahrejn wara, fl-istess żona kien nħassu numru ieħor ta’ terremoti fosthom wieħed fl-aħħar ta’ Otturbu tal-istess sena li kien kejjel qawwa ta’ 6.6.  Dan kien l-akbar terremot li laqat l-Italja fl-aħħar 30 sena.

Mietu 300 persuna

Għalkemm f’dan l-aħħar terremot kienu mietu biss żewġ persuni, numru ta’ bliet fosthom Norcia, fejn kienu twieldu San Benedittu u Santa Skolastika, kienu ġarrbu ħsarat kbar.

Fis-16 ta’ Ġunju li ġej il-Papa Franġisku jkun mistenni jasal b’helicopter fiċ-ċentru sportiv tal-Università ta’ Camerino għal ħabta tad-8.45 a.m.

Se jsib jilqgħu lil Mons. Franesco Massara, Arċisqof ta’ Camerino San Saverino, djoċesi fir-reġjun tal-Marche; Dr Luca Ceriscioli, President tar-Reġjun; Dr. Iolanda Rolli, Prefett ta’ Macerata u awtoritajiet oħra.

Jgħixu fi strutturi ta’ emerġenza

Wara li jingħata merħba skont il-protokoll il-Papa se jmur mill-ewwel iżur lill-familji milquta mit-terremoti u li sal-lum għadhom qed jgħixu fi strutturi ta’ emerġenza.

Minn din iż-żona l-Papa jmur il-Kattidral tal-lokal fejn mistenni jiltaqa’ mas-Sindki tad-diversi muniċipalitajiet tad-djoċesi.

Papa Franġisku mistenni jiċċelebra quddiesa fil-beraħ fi Pjazza Cavour u fi tmiem ‘l Quddiesa jgħid l-Angelus flimkien mal-folla.

Fil-Marche l-Papa mistenni jkollu pranzu tradizzjonali tar-reġjun flimkien mas-saċerdoti li jaħdmu fid-djoċesi u jirritorna ejn il-Vatikan għall-ħabta tat-3.00 p.m.