Il-Papa se jżur ukoll ir-Rumanija

Is-Santwarju ta' Sumuleu Ciuc fejn il-Papa Franġisku mistenni jieqaf biex jitlob quddiem il-Madonna

Ir-Rumanija se tkun il-ħames pajjiż li l-Papa Franġisku qed jippjana li jżur fl-ewwel ħames xhur ta’ dan is-sena. Fil-fatt il-Vatikan ħabbar li fl-aħħar ta’ Mejju il-Papa se jibda żjara pastorali ta’ tliet ijiem fir-Rumanija.

Il-President Ruman, Klaus Iohannis u l-mexxejja tal-Knisja Kattolika fir-Rumanija stiednu lill-Papa biex iżurhom.  L-istedina intlaqgħet u ż-żjara ta’ tliet ijiem se ssir bejn il-31 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju.

F’dawn it-tliet ijiem il-Papa se jżur il-bliet ta’ Bucharest, Iasi u Blaj u jieqaf ukoll biex iżur is-Santwarju Marjan ta’ Summuleu Ciuc.

“Ejja Nimxu Flimkien” hi t-tema magħżula għal dan il-vjaġġ li tħabbret flimkien mal-logo li se jintuża tul din il-viżita apostolika, li juri nies mexjin flimkien quddiem kwadru tal-Madonna.

Kif jixhdu t-temi tal-vjaġġi li l-Papa Franġisku għandu skedati għal din is-sena, l-enfasi li qed jagħmel hi fuq id-djalogu ekumeniku u l-esperjenza bejn id-diversi reliġjonijiet – temi li dejjem insista fuqhom tul il-pontifikat tiegħu.

Dan se jkun it-tieni Papa li jżur ir-Rumanija wara li San Ġwanni Pawlu II kien żar dan il-pajjiż li fil-maġġoranza tiegħu hu pajjiż Ortodoss, ukoll fix-xahar ta’ Mejju, tal-1999.

Ma hemmx dubju li fir-Rumanija, l-Papa Franġisku se jkompli jagħti xhieda tad-devozzjoni kbira tiegħu lejn il-Madonna meta jżur is-Santwarju ta’ Sumuleu Ciuc li fih hemm devozzjoni qawwija lejn il-Madonna ta’ Csiksomlyo li jżuruha eluf ta’ pellegrini kull sena.

Id-devozzjoni tal-Papa lejn il-Madonna taf il-bidu tagħha fi Buenos Aires fejn kien jieħu sehem f’diversi pellegrinaġġi Marjani lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Lujan. Papa Franġisku, kull darba li jkun se jagħmel xi vjaġġ barra minn Ruma, iżur il-knisja fejn hemm meqjuma l-ikona tal-Madonna Protetriċi tal-Poplu ta’ Ruma u f’kull vjaġġ barra l-pajjiż dejjem jieqaf f’xi santwarju popolari tal-Madonna.

Fi stqarrija li fiha ħabbar dan il-vjaġġ, il-Vatikan qal li r-Rumanija hi wkoll magħrufa bħala “Il-Ġnien ta’ Omm Alla”, titlu li hu ħafna għal qalb ir-Rumeni u li kien intuża wkoll fiż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Il-vjaġġ tal-Papa se jkollu dan l-aċċent Marjan u jistieden lill-fidili kollha biex jingħqdu taħt il-mant protettiv tal-Madonna.

“Il-Papa Franġisku dejjem ħeġġeġ l-għaqda bejn kulħadd u naħdmu għall-ġid komuni”.