Il-Papa se jżur tliet pajjiżi li qed ifittxu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni

Tifel jiddendel ma' siġra li waqgħet bil-maltemp kbir li laqat il-pajjiż. (Credit: Themba Hadebe/AP.)

Il-Papa Franġisku llum beda żjara fi tliet pajjiżi fl-Oċean Indjan li lkoll kemm huma għandhom problem ta’ faqar, korruzzjoni, insatabilità politika u soċjali, skandli u gwerer ċivili, li lkoll qed ifittxu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Iż-żjara se tieħu lill-Kap tal-Knisja Kattolika fil-Mozambique, il-Madagascar u l-Maurities fejn se jieqaf fil-bliet kapitali rispettivi. Hu mistenni jżur ukoll “belt speċjali” – Akamasoa – li hi mlaqqma ‘Il-Belt tal-Ħbiberija’ li fiha hemm jgħixu madwar 30,000 persuna mxerrda fi 18-il-villaġġ.

Il-vjaġġ ta’ Papa Franġisku se jibda mill-Mozambique li skont in-Nazzjonijiet Uniti hu fost l-ifqar u l-anqas pajjiżi żviluppati minkejja  li għandu ħafna riżorsi naturali. In-nies tal-post qed jittamaw li ż-żjara tal-Papa tispira tama, paċi u rikonċiljazzjoni f’pajjiż li għadu qed ibati mill-effetti tal-gwerra ċivili bejn -1977 u l-1992.

F’dan il-pajjiż, il-Papa mistenni jiltaqa’ mal-President Filipe Nyusi, preċiżament ħames ġimgħat qabel in-nies imorru jivvutaw. Nyusi qed jipprova jirbaħ terminu ieħor ta’ tmexxija, iżda hemm żewġ kontestanti oħra għall-kariga ta’ president.

Ossufo Momade, mexxej tal-Partit tar-Reżistenza Nazzjonali u l-President Nyusi, xahar ilu ffirmaw Ftehim għall-Paċi, iżda ħafna membri tal-komunità internazzjonali, fosthom l-Unjoni Ewropea, wissew li jekk l-elezzjoni ma titmexxiex sew, jerġa’ jibda l-ġlied.

Rikonċiljazzjoni

Father Ignacio Jussa, ġiżwita mill-post, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX, li pajjiżu donnu għandu “il-privileġġ li jilqa’ lill-Papiet fi żmien meta r-rikonċijazzjoni jkollha importanza kbira. Fil-fatt, il-Papa San Ġwanni Pawlu II ien żar Maputo fl-1988 meta kienet qed tispiċċa l-gwerra ċivili u issa l-Papa Frnġisku se jkun hemm xahar wara l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Paċi.

Il-gwerra ċivili fil-Mozambique bdiet fl-1977 u baqgħet sejra sa l-1992 meta f’Ruma kien iffirmat Ftehim biex jieqaf il-kunflitt li ħasad il-ħajja ta’ madwar miljun persuna filwaqt li erba’ miljuni oħra spiċċaw bla dar.

Fr Jussa jemmen li ż-żjara tal-Papa se tagħti enerġija kbira lill-Kattoliċi għax il-vuċi tiegħu “tgħaqqad u ġġib l-għaqda bejn il-klassijiet soċjali differenti ta’ pajjiż bħalma hu l-Mozambique”.

Mid-29 miljun li jgħixu f’dan il-pajjiż, il-maġġoranza huma nsara għalkemm hemm diversi minoritajiet oħra li jsegwu l-Islam jew reliġjonijiet tradizzjonali Afrikani.

Ġlied kawża tal-faqar

Fl-aħħar xhur żdiedu ħafna l-attakki mill-Jihad li raw gruppi affiljati mal-ISIS jiġġieldu kontra l-forzi tas-sigurtà tal-pajjiż. Ir-raġuni ewlenija wara dan l-inkwiet hu l-faqar għax għalkemm qed tiżdied l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali fir-reġjun dan ma ssarra,fx f’titjib fil-ħajja tan-nies.

Il-pajjiż għadu qed isofri wkoll mill-effetti taċ-ċiklun Idai li għamel ħerba sħiħa fil-Mozambique, il-Malawi u z-Zimbabwe u qatel 1,300 persuna ħarbat il-prodotti agrikoli li aktar minn 3 miljun persuna jiddependu minnhom.

B’dan id-diżastru l-pajjiż ħa daqqa kbira l-isfel u jrid jgħaddi ħafna żmien biex l-affarijiet jinbnew mill-ġdid, tgħid l-aġenta tal-Catholic Relief Service fil-pajjiż. “Iż-żjara tal-Papa ġejja fi żmien diffiċli għall-pajjiż tant li uħud qed jisaqsu għaliex qed issir issa.” Kien hemm min qal li qed issir issa biex tgħin lill-President Nyusi fil-kampanja presidenzjali tiegħu.

Il-Papa jinsisti li l-Knisja ma tridx tibża’ tħammeġ idejha u forsi għalhekk hu qed iżur il-Mozambique fi żmien ta’ nkwiet politiku u kunflitt, biex iwassal messaġġ qawwi lill-mexxejja tal-pajjiż dwar id-doveri tagħhom.