Il-Papa se jżur l-Irlanda f’Awwissu għal-Laqgħa Mondjali tal-Familji

Il-Papa Franġisku se jmur f’Dublin l-Irlanda f’Awwissu li ġej għal-Laqgħa Mondjali tal-Familji. Il-Papa ħabbar dan hu stess nhar l-Erbgħa li għadda.
Franġisku mistenni jasal f’Dublin is-Sibt 25 ta’ Awwissu u jieħu sehem fil-“Festival tal-Familji” li se jsir fl-istejdjum ta’ Croke Park. 
Fil-festival numru ta’ familji minn kull kontinent se jaqsmu l-istejjer personali tagħhom dwar il-fidi.  L-għada, fis-26 ta’ Awwissu l-Papa jiċċelebra quddiesa f’ Phoenix Park li ġġib fi tmiemu l-festival li jkun ilu għaddej ħamest ijiem.
Il-Konferenza Epsikopali tal-Isqfijiet Iralandiżi qalet fi stqarrija li għan-nom tal-fidili Irlandiżi tilqa’ bil-ferħa l-aħbar li ta l-Papa nnifsu li se jżur l-Irlanda f’Awwissu.
Qalu li jħossuhom onorati li l-Papa Franġisku se jżur pajjiżhom biex jipparteċipa f’din iċ-ċelebrazzjoni universali ta’ fidi u ferħ fejn se jkunu diskussi wkoll l-isfidi li l-familja qed tiffaċċja llum. Żiedu li jistennew bil-ħerqa il-messaġġ u l-gwida tal-Qdusija Tiegħu.
Matul l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar il-Ġimgħa, żewġ familji Irlandiżi ippreżentaw l-ikona tas-Sagra Familja li se tintuża uffiċjalment waqt il-Festival. Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm l-Arċisqof Diarmuid, President tal-Festival kif ukoll Mihai Cucu l-artist li ħadem l-ikona.
L-Ikona Uffiċjali tal-Laqgħa Mondjali tal-Familji qed tgħaddi minn parroċċa għal oħra madwar l-Irlanda kollha bħala parti minn pellegrinaġġ bi preparazzjoni għal din il-laqgħa importanti. Il-laqgħa se ssir f’Dublin bejn  il-21 u s-26 ta’ Awissu, bit-tema: Il-Vanġelu tal-Familja: Ferħ għad-Dinja.
Matul dik il-ġimgħa se jsir Kungress Pastorali ta’ tlitt ijiem li fih ikun hemm gruppi ta' ħidma, taħditiet u diskussjonijiet dwar it-tema tal-laqgħa. 
Se jkun hemm ukoll programm speċjali għaż-żgħażagħ u attivitajiet għat-tfal.