Il-Papa se jżur is-Sudan t’Isfel is-sena d-dieħla

Papa Franġisku mal-mexxejja ċivili u ekklesjastiċi tas-Sudan t'Isfel

Il-Papa Franġisku nhar il-Ħadd li għadda ħabbar li mistenni jżur is-Sudan t’Isfel fl-2020.  Huwa ħabbar dan wara t-talba tal-Angelus lil eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja miġbura fi Pjazza San Pietru.

“Ħsieb speċjali jmur għall-poplu għażiż tas-Sudan t’Isfel li se nżur is-sena d-dieħla”, qal il-Papa. “Għadu ħaj f’moħħi l-irtir spiritwali li għamlu l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż, hawn fil-Vatikan fil-bidu ta’ April li għadda u nixtieq nirrepeti l-istedina tiegħi lil dawk kollha involuti fil-proċess politiku f’dak il-pajjiż, biex ifittxu dak li jgħaqqadhom u jegħlbu dak li jifridhom, fi spirtu veru ta’ aħwa.

“Il-poplu tas-Sudan t’Isfel sofra wisq f’dawn l-aħħar snin u b’tama kbira qed jistenna future aħjar, speċjalment il-waqfien darba għal dejjem tal-kunflitti u li jkun hemm paċi dejjiema.  Għalhekk nitlob lill-mexxejja, biex ikomplu, bla waqfien, l-impenn tagħhom favur djalogu inklussiv bit-tama li jinstab kunsens fl-interess tan-nazzjon.

Barra minn dan, nittama li l-komunità internazzjonali ma tieqafx takkumpanja lis-Sudan t’Isfel fit-triq tiegħu lejn rikonċiljazzjoni nazzjonali.  Nistieden lil kulħadd biex nitolbu flimkien għal dak il-pajjiż li lejh għandi ġibda partikolari”, temm jgħid Papa Franġisku.

4 miljuni bla dar

Wara l-indipendenza li kiseb fl-2011, is-Sudan t’Isfel, fl-2013 inqabad fi gwerra ċivili. Il-President Salva Kiir, akkuża lill-Viċi President tiegħu, Rieck Machar li organizza kolp ta’ stat kontrih u minn hemm beda l-ġlied.

Skont l-aġenzija Vatican News madwar 400,000 persuna inqatlu f’dan il-ġlied filwaqt li xi erba’ miljuni oħra kellhom jitilqu minn djarhom u spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

F’April ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku kellem lill-awtoritajiet ċivili u ekklesjastiċi ta’ dak il-pajjiż wara li temmew irtir li sar fil-Vatikan stess.  Hu kien appellalhom biex jegħlbu d-differenzi ta’ bejniethom u fakkarhom li l-paċi hi possibbli filwaqt li kien esprima x-xewqa tiegħu li jżur il-pajjiż.

Il-Papa f’diversi okkażżjonijiet wera x-xewqa li jżur dan il-pajjiż mifni bil-gwerra, flimkien mal-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby li kien hu li ppropona li l-iritir tal-mexxejja tal-pajjiż isir fil-Vatikan u kien mexxih hu stess.

Fi tmiem dak l-irtir, il-Papa kien qal li xtaq iżur is-Sudan t’Isfel u fit-talb finali tal-laqgħa għamel appell mill-qalb biex ifittxu l-paċi minkejja d-diffikultajiet li seta’ kien hemm. Hu mbagħad niżel għarkubtejh quddiemhom u biss riġlejn kull wieħed minnhom.