Il-Papa se jżur il-Bulgarija u l-Maċedonja

Il-logo li tħejja għaż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Bulgarija u l-Macedonia

F’Mejju li ġej il-Papa Franġisku mistenni jagħmel Viżita Pastorali fil-Bulgarija u fil-Macedonia. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħabbar li l-Papa aċċetta stedina mill-awtoritajiet ċivili u mill-Knisja taż-żewġ pajjiżi.

Skont l-ewwel indikazzjonijiet, għax programm dettaljat se jitħabbar aktar tard, il-Qdusija Tiegħu se jżur il-bliet ta’ Sofia u Rakovski bejn il-5 u s-7 ta’ Mejju u fl-aħħar jum imur Skopje fil-Macedonia.

Sadattant, l-insara fl-Emirati Għarab Magħquda qed jistennew bil-ħerqa iż-żjara li l-Papa se jagħmel f’pajjiżhom fi Frar li ġej u ħafna qed jittamaw li jirnexxielhom jattendu għall-quddiesa tiegħu.

L-Isqof Paul Hinder, Vigarju Apostoliku tal-Arabja Sawdita, f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan qal li l-insara fl-Emirati laqgħu b’ferħ u entusjażmu d-deċiżjoni tal-Papa li jżurhom.  Hu qal li anke għalih din l-aħbar kienet ta’ ferħ kbir għalkemm din se tippreżentalu sfida loġistika.

Huwa spjega li r-raġuni ewlenija taż-żjara tal-Papa hi biex jieħu sehem f’laqgħa tar-reliġjonijiet li għaliha kien mistieden mill-Prinċep, ix-Sheikh Mohammed Bib Zayed. F’dan l-avveniment se jieħdu sehem ħafna rappreżentanti Musulmani minn diversi pajjiżi.

Ħafna nsara fl-Emirati qed jittamaw li jipparteċipaw fil-quddiesa li l-Papa se jikkonċelebra nhar it-Tlieta 5 ta’ Frar għalkemm l-Isqof Hinder qal li ma jafx jeżistix post fl-Emirati Għarab Magħquda li jista’ jieħu n-nies kollha li mistennija jew jixtiequ jattendu għal din il-quddiesa.  Dan għaliex insara minn pajjiżi oħra tal-qrib, diġa’ esprimew ix-xewqa li jattendu barra li hemm ukoll interess kbir mill-insara fl-Indja. Madankollu wieħed ikollu jirrispetta l-limitazzjoni li jiddettaw iċ-ċirkostanzi.

Il-Vigarju Apostoliku  qal li għall-poplu tal-Emirati u għalih innifsu l-aħbar taż-żjara tal-Papa ġibitilhom ferħ kbir. Madankollu hu jifhem li din iż-żjara se tpoġġi quddiemu sfida kbira li jittama li jkun kapaċijegħleb bl-għajnuna tal-Gvern u l-komunità kattolika tal-pajjiż.