Il-Papa se jmur il-Ġappun f’Novembru

Il-Papa jitkellem mal-ġurnalisti fuq l-ajruplan fi triqtu lejn il-Panama

Waqt li kien fuq l-ajruplan fi triqtu lejn il-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa Franġisku svela li qed jippjana li f’Novembru ta’ din is-sena jagħmel Żjara Pastorali fil-Ġappun.

Il-Papa ħabbar dan bi tweġiba għal domanda ta’ ġurnalist Ġappuniż li kien qed jivjaġġa fuq l-istess ajruplan biex jirrapporta dwar l-avvenimenti li se jseħħu fil-Panama f’dawn il-jiem. Il-Papa ħeġġeġ lill-poplu Ġappuniż biex jibda jħejji għal din iż-żjara.

Papa Franġisku qal li xtaq ukoll iżur l-Iraq iżda l-Isqfijiet tal-pajjiż iħossu li  għalissa m’hemnx sigurtà biżżejjed fil-pajjiż biex żjara bħal din tkun tista’ ssir.

Ġurnalist ieħor fuq it-titjira, għadda lill-Papa ritratt ta’ tifel emigrant li miet fil-baħar waqt li kien qed jaqsam il-Mediterran.  Meta l-kadavru tat-tifel ittella’ mill-baħar, mal-ġakketta li kien liebes sabu meħjuta karta b’informazzjoni dwaru. Il-Papa deher kommoss ħafna bir-ritratt tat-tifel u qal li dwar dan kien se jitkellem fil-vjaġġ lura lejn l-Italja meta jerġa’ jkellem lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan.

Ġurnalista tar-Rai staqsa lill-Papa x’jaħseb dwar il-ħajt biex iwaqqaf f’Tijuana biex iwaqqaf emigranti mill-Messiku milli jidħlu fl-Istati Uniti. Il-Papa wieġeb li kultant il-biża’ iġenninna u ssuġerixxa lill-ġurnalista biex jaqra l-editorjal tal-gazzetta tal-Vatikan “Osservatore Romano”, intitolat “Il-Ħitan tal-Biża’”.

Ftit wara li tela’ l-ajruplan u daħal ħdejn il-ġurnalisti, il-Papa kellimhom dwar ġurnalist Russu, Alexej Bukalov, li kien il-korrispondent tal-aġenzija tal-aħbarijiet Russa, TASS f’Ruma li miet f’Diċembru li għadda fl-età ta’ 78 sena.  Dan il-ġurnalist kien dejjem ikun preżenti fil-vjaġġi tal-Papa. Hu ddeskrivih bħala “bniedem ta’ umanità kbira” li kien kapaċi jagħmel sintesi tajba tad-diskorsi tiegħu li baqa’ jsewgwi sal-aħħar wieħed li għamel. Papa Franġisku rrimarka li “din hi l-ewwel titjira li fiha hawn nieqes kollega tagħkom u ħabib tiegħi”.

Il-Papa Franġisku talab lil kulħadd bied josserva minuti silenzju b’tifkira ta’ dan il-ġurnalist u wara qalu flimkien il-Missierna.  Min-naħa tagħhom il-ġurnalisti wieġbu b’ċapċipa kbira għall-ġurnalist Russu.

Waqt l-istess titjira, Mons. Mauricio Rueda Belz li jieħu ħsieb jorganizza l-vjaġġi tal-Papa barra l-pajjiż, introduċċa lil Alessandro Gisotti li bħalissa hu responsabbli  mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan u li dan kien l-ewwel vjaġġ tiegħu mal-Papa f’din il-kariga.