​Il-Papa se jkun iebes mal-Isqfijiet li investiga l-Arċisqof

Il-Papa mhux se jdur mal-lewża u mistenni jkun iebes fil-laqgħa mal-Isqfijiet Ċileni wara l-investigazzjoni tal-Arċisqof Scicluna.
Il-Papa Franġisku jrid li l-Isqfijiet Ċileni jammettu li kkawżaw ġrieħi serji lill-kreddibbiltà tal-Knisja billi għattew l-abbuż sesswali li kien qed isir minn membri tal-kleru.
Skont ir-Reuters, dan serva bħala twissija li l-laqgħat se jsiru mingħajr tidwir mal-lewża.
Il-pożizzjoni tal-Papa ġiet komunikata fi stqarrija mill-Vatikan bi tħejjija għall-wassla tal-Isqfijiet Ċileni l-ġimgħa d-dieħla. Huma ssejjħu mill-Papa biex jispjegaw għalfejn hu ma ġiex infurmat tajjeb dwar kemm kien kbir l-iskandlu.
L-istqarrija tgħid li l-Papa jemmen li hemm bżonn li “jiġu eżaminati l-kawżi u l-konsegwenzi, kif ukoll il-mekkaniżmi, li bihom wasslu biex jitgħattew ċertu każijiet u ommissjonijiet gravi b’rabta mal-vittmi”.
F’ U-turn drammatika, il-Papa qal f’ittra li kien għamel “żballji gravi” fil-mod kif kien aġixxa matul il-kriżi tal-abbuż sesswali minħabba li ma kienx mgħarraf sew.
L-ittra nkitbet wara investigazzjoni mill-Vatikan fil-konfront tal-Isqof Juan Barros, li ġie appuntat mill-Papa fl-2015 minkejja li diġà kien hemm allegazzjonijiet li kien għatta abbuż sesswali mill-qassis Fernando Karadima. Barros ċaħad li kien għamel xi ħaġa ħażina. 
F’Jannar meta kien fiċ-Ċilì, il-Papa qal li ma kellux provi kontra Barros. Qal li l-akkużi kienu “malafamanti” sakemm ma toħroġx evidenza.
Din l-istqarrija rrabjat ħafna liċ-Ċileni.
Skont ir-Reuters, jiem wara li rritorna l-Vatikan, il-Papa bagħat l-aktar investigatur tal-abbuż sesswali rispettat mill-Vatikan, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, biex jinvestiga.
Il-komunità tal-lajċi ta’ Osorno qalu li huma grati lejn l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna għar-rieda tiegħu biex imur iċ-Ċilì, biex jisma’ b’mod sinċier, u biex jiddjaloga ma’ kulħadd.
Mons. Scicluna kien intalab mill-Papa biex imur iċ-Ċilì, sabiex hemmhekk jisma' lil dawk li wrew ix-xewqa li jagħtu informazzjoni dwar l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid b'rabta ma' każi ta' abbużi fuq minorenni.