Il-Papa se jitlob għall-paċi mal-Isqfijiet tal-Mediterran f’Bari

Il-Bażilika ta’ San Nikola ta’ Bari, l-Italja

Nhar  il-Ħadd 23 ta’ Frar, il-Papa Franġisku se jmur Bari, fin-nofsinhar tal-Italja għal “Laqgħa ta’ Riflessjoni u Spiritwalità”.  It-tema ta’ din illaqgħa se tkun “Il-Mediterran Fruntiera tal-Paċi”.

Din se tkun it-tieni darba li l-Papa Franġisku se jżur din il-belt fejn hemm meqjuma ir-relikwi ta’ San Nikola.  F’din l-okkażżjoni l-Papa se jiltaqa’ jiċċelebra Quddiesa u jitlob ma’ Isqfijiet mir-reġjun tal-Mediterran.

Is-Santa Sede ħabbret il-proħramm ta’ din iż-żjara li juri li l-Papa se jitlaq b’helicopter mill-Vatikan fis-7.00 a.m. u jinżel fi Pjazza Kristofru Colombo – il-pjazza ewlenija ta’ Bari fejn jasal fit-8.15 a.m. fejn isib jilqgħu lis-Sindku tal-belt, il-President tar-Reġjun tal-Puglia u lil Mons. Francesco Cacucci, Arċisqof ta’ Bari.

Minn hemm il-Papa mistenni jmur fil-Bażilika ta’ San Nikola fejn se jkellem lill-Isqfijiet. Fost dawk li diġa kkonfermaw li se jieħdu sehem fil-laqgħa hemm il-Kardinal Gualtiero Bassetti, President tal-Konferenza Episkopali Taljana; il-Kardinal Vinko Puljic, President tal-Konferenza Episkopali tal-Bosnia-Herzegovina; Mons. Pizzaballa, Amministratur Apostoliku tal-Patrijarkat ta’ Ġerusalemm u Mons. Paul Desfareges, President tal-Konferenza Episkopali reġjonali tal-Afrika ta’ Fuq.

San Nikola

Wara li jsellem lill-Isqfijiet individwalment, il-Papa mistenni jinżel fil-kripta tal-Bażilika biex iqim ir-relikwi ta’ San Nikola li hu meqjum minn diversi Knejjes insara bħala l-Isqof ta’ Myra li kien meqjus bħala difensur ta’ min hu dgħajjef u persegwitat u protettur tat-tfajliet, it-tfal żgħar u anke tal-baħrin.  Il-Papa se jiltaqa’ mal-komunità tal-Patrijiet Dumnikani li jmexxu din il-Bażilika.

Il-Papa mistenni wkoll jiltaqa’ mal-pubblika fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika u finalment jiċċelebra Quddies fil-beraħ u wara r-reċita tat-talba tal-Angelus u jirritorna lura lejn il-Vatikan għall-ħabta tas-1.45 p.m.

Papa Franġisku kien żar il-belt ta’ Bari fis-7 ta’ Lulju 2018 għal Jum Ekonomiku ta’ Riflessjoni u Talb għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.  Dakinhar kien talab ma’ madwar 20 Patrijarka u mexxejja nsara oħra.