Il-Papa se jingħaqad ma’ kuġina meta jżur it-Tajlandja

Sister Anna Sivori turi ritratt tagħha mal-Papa Franġisku

Sister Anna Rosa Sivori, soru ta’ 77 sena kull filgħodu fil-ġranet tal-iskola, tidħol fil-kappella ta’ skola Kattolika li tinsab f’żona mbiegħda fit-Tajlandja u tagħmel ħin titlob. Is-soru qed tgħodd il-ġranet li fadal biex tkun tista’ tgħannaq lill-kuġinuha, il-Papa Franġisku meta dan iżur it-Tajlandja aktar tard dan ix-xahar.

It-Tnejn kibru flimkien fl-Arġentina tant li hi ssejjaħlu b’ismu, Jorge. Is-soru issa ilha tgħix fit-Tajlandja għal aktar minn 50 sena u fit-tliet ijiem, bejn l-20 u t-23 ta’ dan ix-xahar se tkun qed tivjaġġja mal-Papa Franġisku, fil-viżta li se jagħmel fil-pajjiż.

“Għalija hu ta’ pjaċir kbir li se jiħi jżurna.  Qatt ma bsart li se jiġi fit-Tajlandja”, qalet is-soru f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.

Ferħana għan-nies

“Inħossni ferħana għal dan il-poplu.  Irrid li n-nies jarawh u jkunu qrib tiegħu”.

Iż-żewġ kuġini li n-nanniet tagħhom kienu aħwa, trabbew flimkien f’familja Kattolika kbira fl-Arġentina. Sr Sivori tgħid li bħala tfal ma kienux qrib ħana għax Jorge Mario Bergoglio – il-Papa – kien sitt snin akbar minnha.

Hi daħlet soru ta’ età żgħira u s-sejħa missjunarja tagħha ħaditha fit-Tajlandja fejn ilha tgħix mill-1966 u ħadmet f’diversi skejjel madwar il-pajjiż. Illum hi l-Viċi Prinċipal tal-iskola Santa Marija li tinsab fil-provinċja ta’ Udon Thani, fit-tramuntana tal-pajjiż, madwar 600 kilometru bogħod mill-kapitali Bangkok.

Iż-żewġ kuġini resqu aktar qrib xulxin wara li Jorge Bergoglio sar Papa Franġisku fl-2013. Kull darba li tmur l-Arġentina biex iżżur il-familja tagħha, is-soru tieqaf Ruma għal ftit jiem biex tara lil kuġinuha. L-aħħar darba li ltaqgħu kien fl-2018 fejn tkellmu dwar l-imħabba tagħhom għall-kotba.

“Ħadni f’kamra kbira mimlija kotba u qalli biex nagħżel. Beda jurini l-kotba u jistaqsi liema riedt.

Aħwa

“Meta nitkellmu flimkien inħossuna qisna aħwa. Naturalment jien naf li hu l-Papa…. imma nitkellmu b’mod sempliċi, kif jitkellmu l-aħwa bejniethom”.

Is-soru issa se tinżel Bangkok qabel jasal il-Papa biex imbagħad tmur miegħu kull fejn imur kemm idum fit-Tajlandja.  Kien hu stess li xtaqha tagħmel hekk.

Fit-Tajlandja, pajjiż b’maġġoranza kbira ta’ Buddisti, il-Papa mistenni jiltaqa’ mar-Re Maha Vajiralongkorn, il-Patrijarka Suprem tal-Buddisti, ma’ mexxejja Kattoliċi u anke studenti, qabel ma jkompli l-vjaġġ tiegħu lejn il-Ġappun.

Waqt l-intervista ma’ Reuters, Sr. Sivori ħarġet envelop mimli ittri u kartolini mill-Vatikan u bdiet taqrahom b’ħerqa kbira.  “Meta niltaqa’ miegħu,  insejjaħlu b’ismu, Jorge. Hu sar Papa aktar tard.  Jien kburija ħafna bih”, temmet tgħid is-Soru dwar il-kuġin.