Il-Papa se jiltaqa’ mal-vittmi tal-abbuż fl-Irlanda

Arkivji

Il-Papa Franġisku se jiltaqa’ ma’ vittmi ta’ abuużi sesswali waqt li jkun fl-Irlanda fi tmiem din il-ġimgħa. Iżda jiddependi mill-vittmi nfushom jekk tingħatax informazzjoni dwar din il-laqgħa, qal Greg Burke, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan.

Burke qal li mill-mument li kien deċiż li l-Laqgħa Internazzjonali tal-Familji ta’ din is-sena ssir f’Dublin, kien ċar li l-Papa kellu jirrikonoxxi d-delitti mwettqa fuq eluf ta’ Kattoliċi Irlandiżi minn qassisin fid-diversi parroċċi, patrijiet u sorijiet fi skejjel, orfanatrofji u istituzzjonijiet oħra.

Il-ġurnata, il-ħin u l-post fejn se ssir din il-laqgħa mhux se tkun magħrufa qabel tispiċċa l-laqgħa stess u dan isir magħruf bil-permess tal-vittmi nfushom.

Il-Papa Franġisku jrid li ż-Żjara Apostolika tiregħu fl-Irlanda tiffoka fuq il-Familja u għalhekk mhux se jmur fl-Irlanda ta’ Fuq f’din iż-żjara. Anke l-laqgħat dettati mill-protikol – bħalma hi l-laqgħa mal-awtoritajiet tal-pajjiż, ukoll se tiffoka fuq il-Familja.

Mistoqsi jekk il-Papa u l-Vatikan humiex imħassba mill-attenzjoni li l-media tal-pajjiż qed terġa’ tagħti lill-abbużi sesswali hux se jfixklu lill-Papa milli jiffoka fuq il-Familja, Greg Burke wieġeb li l-“Vjaġġ fl-Irlanda ma kienx se jkun biss fuq il-Familja.”

“Il-Papa hu mistrieħ u lest u jrid jitkellem dwar il-Familja”, qal Burke.

Madankollu meta kien qed jitkellem fuq l-avvenimenti individwali mfassla għaż-żjara tal-Papa fl-Irlanda, il-kelliem tal-Vatikan semma li nhar is-Sibt il-Papa jibda bi żjara fil-Kon Kattidral ta’ Dublin b’talb fil-kwiet fil-Kappella tas-Sagrament b’xema tixgħel għall-vittmi tal-abbużi.

Mingħajr ma ta dettalji preċiżi, Burke qal li l-Papa Franġisku se jitkellem dwar l-abbużi almenu f’wieħed mid-diskorsi li se jagħmel matul dan il-vjaġġ.

Sadattantil-Papa l-bieraħ filgħodu fil-bidu tal-Laqgħa Mondjali tal-Familji bagħat Tweet li tgħid:

“Illum bdiet il-Laqgħa Mondjali tal-Familji f’Dublin. Ejja nitolbu  flimkien mal-familji kollha tad-dinja, speċjalment dawk f’diffikulta. Il-familja hi l-post fejn tiber it-tama”.

Iċ-ċerimonja tal-ftuh  li saret filgħaxija f’Dublin u f’kull djoċesi tal-pajjiż għandha bħala tema: Il-ferħ tal-imħabba fil-familji hu l-ferħ tal-Knisja. U issa jkun hemm tlett ijiem ta’ ħidma pastorali ċċentrata fuq l-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia.

Dan l-avveniment internazzjonali jilħaq il-qofol tiegħu bil-wasla tal-Papa f’Dublin nhar is-Sibt biex jattendi l-Festival tal-Familji dakinhar filgħaxija u l-konkluħjoni tal-Kungress bil-Quddiesa mill-Papa f’Phoenix Park nhar il-Ħadd.