Il-Papa se jiltaqa’ mal-mexxej militari tal-Mjanmar

Il-Papa Franġisku llum beda ż-żjara pastorali tiegħu fil-Mjanmar, pajjiż li qabel kien magħruf bħala l-Burma, f’dak li qed jitqies bħala l-aktar vjaġġ diffiċli fil-pontifikat tiegħu sal-lum.
Hu ddeċieda li matul din iż-żjara jiltaqa’ mal-ogħla uffiċjal tal-armata, laqgħa li ma kinitx prevista  fil-programm uffiċjali ta’ din il-vista.
Greg Burke, il-kelliem uffiċjali tas-Santa Sede, qal li fuq il-parir tal-Kardinal Charles Bo Francis, il-Papa ddeċieda li jiltaqa’privatament  mal-Ġeneral tal-Militar  Min Aung Hlaing nhar il-Ħamis, u se jkollu wkoll laqgħa oħra mal-mexxejja reliġjużi tal-pajjiż barra l-waħda li kienet diġà ppjanata.
Iż-żjara fil-Mjanmar qed titqies bħala waħda storika għax ebda Papa ma qatt żar dan il-pajjiż.
Il-wasla tal-Papa f’dan il-pajjiż qed issir fil-qalba ta’ kriżi umanitarja fejn eluf ta’ Musulmani Rohingja qed ikollhom jaħarbu mill-pajjiż u jitilqu lejn il-Bangladesh, fejn se jibqa' sejjer il-Papa mill-Mjanmar.
Il-Kardinal Bo Francis iltaqa’ mal-Papa fil-Vatikan nhar is-Sibt li għadda, issuġġerielu biex isib ħin jiltaqa’ mal-Kap tal-Armata filwaqt li appellalu wkoll biex fid-diskorsi pubbliċi tiegħu ma jagħmilx referenza għall-kriżi tar-Rohingja.
Il-Papa Franġisku kemm-il darba tkellem dwar il-kriżi tar-Rohingja, li skont in-Nazzjonijiet Uniti, il-mod kif qed ikunu ttrattati mill-militar jammonta għal tindif etniku.
Il-kelliem tal-Vatikan qal li l-Papa ħa b’serjetà kbira l-pariri tal-kardinal iżda ma qalx x’se jagħmel.
Il-laqgħa mal-Kap tal-Armata għandha sservi biex tonqos it-tensjoni fil-pajjiż fejn il-militar għad għandu saħħa kbira.
L-Armata, li għandha aktar minn 400,000 suldat, ilha tikkontrolla l-pajjiż għal ħafna snin imma issa l-Mjanmar qabad it-triq tad-demokrazija u Aung Sang Suu Kyi, rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, hi l-mexxejja ‘de facto’ tal-pajjiż.
Matul din iż-żjara l-Papa se jiltaqa’ mal-mexxejja Buddisti, maż-żgħażagħ, u jiċċelebra quddiesa li għaliha ġew mistiedna rappreżentanti minn reliġjonijiet oħra, barra li naturalment jiltaqa’ mal-isqfijiet u l-kleru.