Meta f’Settembru li ġej il-Papa Franġisku se jżur Sqallija, kif soltu jagħmel se jkollu laqgħat ma’ żgħażagħ, morda, foqra, priġunieri u emigranti. Iżda mhux se jiltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Katanja li bħalissa qed ikun akkużat li bagħbas flus li suppost marru għal persuni b’diżabilità.
Fil-15 ta’ Settembru, il-Papa Franġisku se jasal Katanja u minn hemm jieħu ħelikopter li jwasslu f’Palermo, iżda f’Katanja mhux se jiltaqa’ mal-Kurja lokali kif soltu jagħmel kull fejn imur.
Il-fatt li l-Papa mhux se jiltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Katanja, Salvatore Gristina, ma tantx niżel tajjeb ma’ wħud, partikolarment għax dan hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali ta’ Sqallija.
“Jien ġej Sqallija għal Viżta Pastorali” qal il-Papa ftit ilu lil ġurnalist Taljan. Il-Vatikan fil-fatt ikkonferma dan il-vjaġġ li se jaħbat mal-25 anniversarju tal-qtil tal-Beatu Salvatore Puglisi, saċerdot minn Palermo li nqatel wara li sfida l-mafja lokali.
F’messaġġ lill-Isqfijiet Sqallin il-Papa Franġisku stedinhom biex jitgħallmu mill-eżempju ta’ Don Puglisi u jaħarbu l-korruzzjoni għax il-ħażen irridu niġġielduh b’dak li nagħmlu kuljum.