Il-Papa se jagħmel operazzjoni tal-katarretti s-sena d-dieħla

Il-Papa Franġisku mistenni li ssirlu operazzjoni tal-katarretti s-sena d-dieħla. Dan żvelah hu stess nhar il-Ħamis li għadda.
Meta kien qed isellem lill-priġunieri fil-ħabs Regina Coeli ta’ Ruma fejn mar jiċċelebra r-rit ta’ Ħamis ix-Xirka – fejn ħasel riġlejn 12-il priġunier – il-Papa għamel diskors qasir bħas-soltu. 
Il-Papa, li spiss jgħid lill-priġunieri meta jmur iżur xi ħabs, biex ma jaqtgħux qalbhom, qal lil dawk f’Regina Coeli biex jaħslu għajnejhom kuljum biex ikunu jistgħu jaraw u jferrxu t-tama. Qal li l-katarretti ma jħallukx tara sew. “Fl-età tiegħi, pereżempju, ikollok il-katarretti u r-realtà ma tarahiex ċara. Jien is-sena d-dieħla se jkolli nagħmel operazzjoni minħabba f’hekk”.
Lill-priġunieri qalilhom li fil-ħajja jiġrilna l-istess. Id-diżillużjoni ssaħħab il-qalb. Hu ħeġġeġ lill-priġunieri biex kuljum inaddfu l-vista tagħhom fuq il-ħajja – “għamlu operazzjoni tal-katarretti għal ruħkom” biex hekk tkomplu tittamaw.