Il-Papa qed isegwi l-kriżi bejn l-Amerka u l-Iran u hu mħasseb

Protesti fit-toroq ta' Teheran wara l-qtil tal-Ġeneral Soleimani

L-Arċisqof Leo Boccardi, Nunzju Appostoliku fl-Iran, f’kuntatt bit-telefown ma’ Vatican News iddeskriva s-sitwazzjoni ta’ tensjoni li hemm fil-pajjiż u l-protesti li qed isiru wara l-qtil tal-Ġeneral Soleimani u sostna li f’din is-sitwazzjoni hemm bżonn jintużaw l-armi tan-negozjati u l-ġustizzja.

It-tilwima bejn l-Istati Uniti u l-Iran wara l-qtil ta’ dan il-ġeneral, ġabet tħassib kbir fil-Vatikan. Il-Papa Franġisku qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi tas-sitwazzjoni u qed jitlob għall-paċi. In-Nunzju Appostoliku fl-Iran, tkellem dwar is-sitwazzjoni li hemm fil-pajjiż bħalissa.

Hu qal li l-Papa qed jinżamm aġġornat kontinwament bis-sitwazzjoni li hi waħda ta’ tħassib u turi kemm hu diffiċli li tibni u temmen fil-paċi. Żied jgħid li l-politika kostruttiva hi għas-servizz tal-paċi u l-komunità internazzjonali kollha trid tkun impenjata għall-paċi, mhux biss fil-Lvant Nofsani imma fid-dinja kollha.

Mument delikat

L-Arċisqof Boccardi qal li f’dan il-mument fl-Iran hemm tensjoni qawwija. Qed isiru dimostrazzjonijiet li qed jikkawżaw vjolenza, weġgħat u protesti.

Mistoqsi x’jaħseb li hemm bżonn f’dan il-mument delikat, in-Nunzju qal li hemm bżonn tonqos it-tensjoni. Il-partijiet kollha jridu jersqu mal-mejda tan-negozjati u jridu “jemmnu fid-djalogu u jitgħallmu mill-istorja, li l-gwerra u l-armi mhux se jsolvu l-problemi tad-dinja. Irridu nemmnu fin-negozjati,” insista l-Arċisqof Boccardi.

Ġustizzja u rieda tajba

“Irridu niċħdu l-kunflitti” qal in-Nunzju “u minflok naqbdu l-armi tal-ġustizzja u r-rieda tajba”. Dan jitlob sforz biex “is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani tinġieb għall-attenzjoni tal-komunità internazzjonali”. 

Hu temm billi kkwota regola importanti tad-diplomazija li “Kull ftehim irid jinżamm”. Kulħadd irid jirrispetta r-regoli tal-liġi.