Il-Papa qed ibati bix-xatka

Skont il-magazine popolari Taljan “Famiglia Cristiana” fis-Sajf il-Papa Franġisku naqqas xi ftit mir-rutina tax-xogħol tiegħu u parti mill-ħin iffrankat qed jużah biex jieħu kura għall-kundizzjoni tax-xatka li qed tkompli tagħtih fastidju.
Il-Papa li għandu 80 sena qed jingħata trattament mediku li jikkonsisti f’massaġġi u żewġ injezzjonijiet fil-ġimgħa biex jonqoslu l-uġigħ. Din il-kundizzjoni tiġi min-nerv maqrus kaġunat minn difett f’xi rukkell tax-xewka tad-dahar.
L-ewwel darba li tkellem dwar din il-kundizzjoni kien fl-2013 waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan lura minn vjagg fil-Brazil.  Hu kien mistoqsi minn ġurnalist dwar saħħtu u qal li l-agħar ġaħa li ġratlu kien attakk tax-xatka.  Qal li din il-kundizzjoni ġġiblu ħafna uġigħ u ma xtaqha fuq ħadd.
Normalment ix-xatka taffettwa biss naħa waħda tal-ġisem u tinħass fid-dahar u s-sieq.  Il-kundizzjoni mhix gravi li thedded il-ħajja u m’hemm ebda indikazzjoni li din tista’ tfixekl lill-Papa milli jaqdi d-doveri tiegħu.
Hu magħruf li l-Papa Franġisku ma jnaqqasx mix-xogħol tiegħu fis-sajf.  Fil-fatt hu stess kien stqarr li l-aħħar darba li ħa vaganza fis-sajf kien fl-1975, qabel ma’ sar Isqof.  Stqarr li hu jirrilassa fl-abitat normali tiegħu billi jaqra l-kotba li jħobb, jorqgħod ftit aktar, jisma l-mużika u jitlob aktar.
Kien rappurtat li l-Papa ilu jbati minn din il-kundizzjoni sa mill-2007 meta kien għamel żjara lil professur Taljan Walter Santilli biex jikkuraħ għaliha.