Il-Papa nkwetat bis-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Sessjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

Il-Papa Franġisku hu mħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani li qed tkompli teħżien u qed jappella biex ikun hemm sforz kontinwu għad-djalogu fir-reġjun.

Mons. Fredrik Hansen, ix-Chargé d’Affaires tal-Missjoni Permanenti tas-Santa Sede fin-Nazzjonijiet Uniti, wassal din ix-xewqa tal-Papa meta ndirizza dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà, fit-22 ta’ dan ix-xahar u tkellem dwar il-kriżijiet li għad hemm fis-Sirja, il-Yemen u l-Art Imqaddsa.

Djalogu ħaj

Hu qal li huwa mportanti li l-appoġġ u l-impenn tal-komunità internazzjonali jżommu ħajja l-fjamma tad-djalogu u li dawn l-isfidi jkunu ffaċċjati b’mod holistiku.

Il-Papa Franġisku sejjaħ biex ikun hemm azzjoni soda u effettiva kontra dak li hu sejjaħ “is-silenzju li qed inessi l-gwerra li kissret is-Sirja f’dawn l-aħħar 10 snin”.

Is-Sirja għandha bżonn “soluzzjoni aċċettabbli li tħares fit-tul biex il-poplu maħbub Sirjan ikun megħjun jibni mill-ġdid pajjiż u jerġa’ jibda jgawdi l-paċi”.

Id-diplomatiku tal-Vatikan qal li l-Papa hu mħasseb “bis-silenzju u l-indifferenza totali” dwar is-sitwazzjoni fil-Yemen li għandu waħda mill-akbar kriżijiet umanitarji fl-istorja riċenti. Jekk ma jkunx hemm attenzjoni internazzjonali għal din il-kriżi il-poplu se jibqa’ jsofri u jintilfu aktar ħajjiet.

Mons. Hansen wassal il-messaġġ li s-Santa Sede qed tkompli tisħaq dwar li “status quo” ta’ Ġerusalemm, biex dan il-post jibqa’ wieħed fejn is-siti reliġjużi jibqgħu mifruxa bejn id-diversi denominazzjonijiet reliġjużi kif ukol mal-Islamiċi u l-Lhud.

L-appell biex jibqa’ kollox kif inhu f’Ġerusalemm fejn id-diversi reliġjonijiet għandhom is-siti rispettivi tagħhom li huma wkoll importanti għall-wirt kulturali tal-familja umana kollha, ilu ħafna jsir.

Belt tal-paċi

Il-Papa Franġisku jixtieq li Ġerusalemm tkun tista’ tgħix il-vokazzjoni tagħha bħala belt tal-paċi u tista’ tkun post simboliku ta’ paċi u laqgħa, b’rispett lejn ir-reliġjonijiet u fi djalogu kontinwu.

Ix-Charge d’Affairs irrimarka li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Papa appella lill-komunità internazzjonali biex tibqa’ impenjata għall-proċess ta’ paċi bejn Israel u l-Palestina.

“Dak li qal il-Papa fir-rigward ta’ Israel u l-Palestina għandu japplika għar-reġjun kollu, anzi għad-dinja kollha”, qal Mons. Hansen. Sostna li minkejja li n-Nazzjonijiet Uniti se tagħlaq 75 sena, il-paċi u s-sigurtà għadhom ta’ tħassib madwar id-dinja kollha

 Is-Santa Sede hi mpenjata bis-saħħa favur il-paċi u tappoġġja kull inizjattiva maħsuba biex twassal għal soluzzjonijiet negozjati. Għal dan l-iskop, il-Vatikan jinkoraġixxi lill-partijiet kollha biex jaħdmu għal djalogu miftuħ u kostruttiv, bażat fuq il-prinċipji li fuqhom twaqqfet din l-organiżazzjoni 75 sena ilu, temm jgħid id-diplomatiku tal-Vatkan.