Il-Papa niseġ talba sabiħa għan-nies tal-Belt tal-Ħbiberija

Il-Papa jitlob maż-żgħażagħ f'Akamasoa, il-Belt tal-Ħbiberija

Nhar il-Ħadd li għadda waqt li kien fil-Madagascar, il-Papa Franġisku żar “Il-Belt tal-Ħbiberija” li tinsab f’Akamasoa, proġett li kien beda 30 sena ilu mill-missjunarju Arġentin, Patri Pedro Pablo Opeka, li llum għandu 71 sena u hemmhekk niseġ talba speċjali għal dawk li jgħixu f’din il-“belt”.

It-talba li l-Papa kiteb apposta għal din l-okkażżjoni hi din:

“Alla Missier, Ħallieq tas-sena u l-art, nirringrazzjawk li ġbartna hawn f’dan il-post, bħal aħwa. Quddiem din il-blata mkissra b’xogħol il-bniedem nitolbuk għall-ħaddiema kullimkien.

“Nitolbuk għall-ħaddiema tal-id li jagħmlu sforz fiżiku kbir, saħħaħ il-fraġilità tagħhom biex ikunu jistgħu jikkarezzaw ‘l uliedhom b’imħabba u jilgħabu magħhom. Agħtihom saħħa spiritwali u fiżika, biex ma jogħtrux taħt it-toqol tax-xogħol.

Ħajja dinjituża

“Agħmel li l-frott tal-ħidma tagħhom jassigura ħajja dinjituża għall-familji tagħhom. Għinhom biex jirritornaw id-dar filgħaxija għas-sħana u s-serħan flimkien mal-familja biex taħt ħarstek isibu l-ferħ veru.

“Agħmel li l-familji tagħna jagħrfu li l-veru ferħ tal-ħobżna ta’ kuljum, ikun perfett meta dak il-ħobż naqsmuh. Agħmel li uliedna ma jkunux sfurzati jaħdmu, imma jingħataw edukazzjoni u jkomplu bl-istudji tagħhom u jalla l-għalliema tagħhom jiddedikaw lilhom infushom kollhom kemm hu għal dan ix-xogħol bla ma jkollhom għalfejn ifittxu mpjieg ieħor biex ikollhom għixiedn diċenti.

“Alla ġust, miss il-qalb tas-sidien u l-mexxejja biex jagħmlu kull sforz biex jassiguraw li l-ħaddiema ikollhom paga ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw id-dinjita umana tagħhom.

“Missier, fil-ħniena Tiegħek, ħenn għal dawk li jinsabu bla xogħol. Jalla l-qgħad – li hu l-kawża ta’ tant miżerja – jgħib mis-soċjetajiet tagħna.

“Agħmel li kulħadd ikollu s-sodisfazzjoni u d-dinjità li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum biex ikun jista’ jgħin lill-familja maħbuba tiegħu.

Solidarjetà awtentika

“Oħloq fost il-ħaddiema spirtu ta’ solidarjetà awtentika. Għallimhom ikunu attenti għal xulxin, jinkoraġixxu lil xulxin u jgħinu lil dawk f’diffikulta u jerfgħu lil dawk li jaqgħu.

“Agħmel li qlubhom ma jċedux għall-mibegħda u r-rabja quddiem l-inġustizzji u jżommu ħajja t-tama tagħhom għal dinja aħjar u jaħdmu flimkien għal dan l-iskop. Għinhom biex flimkien u b’mod kostruttiv ikunu kapaċi jiddefendu id-drittijiet tagħhom u agħmel li l-vuċi u t-talbiet tagħhom jintlaqgħu.

“Alla Missier, Int għamilt lil San Ġużepp, missier putattiv ta’ Ġesù u r-raġel kuraġġjuż tal-Verġni Marija, bħala protettur tal-ħaddiema madwar id-dinja. Lilu nafda lil dawk kollha li jaħdmu hawn, f’Akamasoa, lill-ħaddiema kollha tal-Madagascaru oħrajn, partikolarment dawk li qed jesperjenzaw inċertezza jew tbatija. Jalla San Ġużepp iżommhom fl-imħabba ta’ Ibnek u jsostnihom fix-xogħol u t-tama tagħhom”.

Ammen.