Il-Papa mogħti merħba kbira f’kamp tar-refuġjati fil-Bulgarija

Il-Papa jżur iċ-Ċentru tar-Refuġjati Vrazhdebna

Il-Papa Franġisku ngħata merħba kbira meta waqt iż-żjara li qed jagħmel fil-Bulgarija u l-Maċedonja, dalgħodu żar kamp ta’ refuġjati ta’ Vrazhdebna, fil-periferija tal-kapitali Sofia. Fiċ-ċentru l-Papa sab jilqgħuh lid-Direttur tal-post u lid-Direttur tal-Caritas tal-Bulgarija.

Fir-refitorju ta’ dan iċ-ċentru, il-Papa Franġisku sab jistennewh madwar 50 persuna fosthom tfal u l-ġenituri tagħhom ġejjin mis-Sirja u l-Iraq.

Wieħed mill-voluntiera li jaħdem fiċ-ċentru ta merħba lill-Papa u t-tfal tar-refuġjati kantaw għall-Papa u offrewlu tpinġijiet li għamlu huma stess. Imbagħad il-Papa tkellem ftit mar-refuġjati preżenti.

Din iż-żjara kienet karatterizzata minn atmosfera ta’ ferħ fejn il-protagonisti ewlenin kienu t-tfal li l-Papa laqa’ bil-ferħa t-tpinġijiet li offrewlu, fosthom xi ftit tiegħu stess.

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Alessandro Gisotti, qal li meta kellem lir-refuġjati, il-Papa Franġisku saħaq li t-tfal dejjem jgħinuna nifhmu aħjar dak li għaddejjin minnu. Dawn it-tfal ħarbu mill-Gwerra u l-faqar li kien hemm fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u waslu f’partijiet oħra tad-dinja b’ħafna tama fil-futur.

Is-salib tal-umanità

Il-Papa qalilhom li, “Illum id-dinja tal-emigranti u r-refuġjati hi bħala parti minn salib, is-salib tal-umanità u s-salib huma dawk il-ħafna nies li qed ibatu.”

Gisotti qal li l-Papa ngħata merħba kbira ħafna. “Qed nitkellmu dwar nies ġejjin min-nazzjonijiet differenti u ta’ twemmin differenti u rajna xeni tal-Papa jkellem u jgħannaq irġiel, nisa u tfal ta’ dawn il-familji li sabu kenn f’dan iċ-ċentru.”

Wara li bierek lil dawk kollha li kien hemm fiċ-ċentru, il-Papa telaq biex jiċċelebra quddiesa ma’ persuni li rċivew l-Ewwel Tqarbina fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù f’Rakovsky.