Il-Papa mnikket bil-qtil ta’ persuni waqt attakk fuq knisja fin-Niġerja

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Papa Franġisku estenda l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-Insara tad-djoċesi ta’ Nnewi fin-Niġerja fejn almenu 11-il persuna nqatlu u 18 oħra ndarbu serjament meta nies armati attakkaw il-knisja fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
L-aggressuri fetħu n-nar waqt il-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd li għadda fil-Knisja Kattolika dedikata lil San Filippu.
Il-Pulizija qalet li għad ma tafx min kien responsabbli għal dan l-attakk iżda kienet pronta eskludiet li dan kien xogħol il-grupp estremista Boko Haram.
“Iddispjaċieni ħafna meta smajt bil-mewt u l-feriment  ta’ persuni fl-attakk vjolenti fuq il-Knisja ta’ San Filippu, il-Qdusija Tieghu l-Papa Franġisku jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lilek u lill-Insara kollha tad-djoċesi u b-mod partikolari lill-familjari tal-vittmi”, qal il-Kardinal Parolin f’messaġġ li bagħat lill-Isqof tal-post Mons. Hilary Paul Odili Okeke.
Id-dettalji tal-attakk għadhom mhux magħrufa. 
Kelliem għad-djoċesi qal li dan l-attakk ifisser li ntilef dak li hu sagru għax “xi jwassal lil xi ħadd biex jidħol jispara fuq Insara innoċenti u disarmati, fosthom tfal u nisa waqt li jkunu qed jitolbu fil-Knisja fil-jum tal-Ħadd?”
“Nikkundannaw bil-qawwa kollha dan l-att kontra Alla: Nitolbu 'l Alla biex jikkonsla il-familji ta dawk milquta u nassigurawhom li qalbna hi magħhom filwaqt li nitolbu għalihom u għall-fejqan ta’ malajr ta’ dawk feruti”,  qal Fr Hygi Aghaulor, kelliem għad-djoċesi.
“Meta l-forzi tad-dlamijiet jippruvaw joskuraw it-tajjeb, id-dawl ta’ Alla jiddi ħafna aktar, kif kien ġara wara l-inċidenti ta’ Jum l-Għid il-Kbir. Il-ħażen jista’ jipprova iżda Alla u t-tjubija tiegħu dejjem jirbħu. Għalhekk nitolbu lill-insara jkomplu jitolbu għall-mejtin u l-familji tagħhom”, żied jgħid il-kelliem.
Il-President Niġerjan, Muhammadu Buhari ikkundanna dan l-attakk u  ddeskrivih bħala “delitt faħxi kontra l-umanità u sagrileġġ.  Ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni li jattakkaw lill-Insara fil-knisja u joqtluhom kiesaħ u biered”.