Il-Papa mistieden iżur il-Bulgarija

Il-Prim Ministru tal-Bulgarija, Boyko Borissov kellu laqgħa mal-Papa Fanġisku fil-Vatikan li matulha għamillu stedina uffiċjali biex iżur il-pajjiż.
Rapporti qalu li l-Papa deher entużjast li jżur il-Bulgarija, ir-Rumanija u pajjiżi oħra tal-Balkani.
L-isedina waslet fi żmien meta l-minoranza tal-kattoliċi fil-pajjiż tista’ tkun projbita milli tirċievi għajnuna minn barra l-pajjiż. Dan għaliex il-Bulgarija qed tippjana li temenda l-liġijiet tagħha f’tentattiv li tillimita l-influwenza ta’ ċerti pajjiżi Musulmani, iżda l-bidla se tipprojbixxi finanzjament minn barra l-pajjiż għar-reliġjonijiet kollha.
Membru Parlamentari Bulgaru qed jipproponi dawn l-emendi għal-liġi minħabba l-qawmien tal-Islam radikali fin-nofsinhar tal-pajjiż. L-abbozz ta’ Liġi li kien ippreżentat fil-Parlament fil-bidu ta’ Mejju għad irid ikun diskuss.
Iżda l-Knisja Kattolika fil-Bulgarija diġà qed turi tħassib dwar il-konsegwenza ta’ dan it-tibdil fil-liġijiet billi tiddependi ħafna mill-għajnuna finanzjarja li taslilha minn barra l-pajjiż.
Il-liġi l-ġdida tipproponi li jkun hemm finanzjament mill-Istat lir-reliġjonijiet li għandhom bħala membri tagħhom almenu 1% tal-popolazzjoni Bulgara u dawn jingħataw €5 għal kull membru, fis-sena.
Skont l-aħħar ċensiment 60% tal-Bulgari huma Ortodossi, 8% Musulmani u l-Kattoliċi huma biss 0.66% għal total ta’ 60,000 persuna u l-Protestanti 0.87% tal-popolazzjoni. Il-Kattoliċi huma mifruxa fi tliet djoċesijiet.
Il-Knisja Kattolika mistennija tressaq numru ta’ emendi għal dan l-abbozz filwaqt li qed tistenna li l-Unjoni Ewropea tagħmel pressjoni biex ikunu salvagwardati d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà reliġjuża.