Il-Papa mistenni jżur Malta

REUTERS/Remo Casilli

Read in English.

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku mistenni jżur Malta fil-ġimgħat li ġejjin. Sorsi infurmati qrib il-Vatikan ikkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li din iż-żjara se tkun ir-raba’ żjara ta’ Papa f’Malta fl-aħħar 30 sena.

Iż-żjara se sseħħ possibilment qabel is-sajf u l-programm taż-żjara se jinkludi waqfiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan l-aħħar il-Papa Franġisku tkellem darbtejn dwar Malta.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, kelliem għall-Kurja tal-Arċisqof qal biss li “l-Isqfijiet Maltin, imħeġġa mill-kliem ta’ stima dwar il-Maltin li l-Papa Franġisku qal aktar minn darba dan l-aħħar, tennew l-istedina lill-Papa Franġisku biex iżur il-gżejjer Maltin”.

L-ewwel Papa li żar Malta kien San Ġwanni Pawlu II fl-1990 meta kien qatta’ tlett ijiem f’Malta. Fl-2001 l-istess Papa kien reġa’ ġie Malta fejn kien ukoll ibbeatifika lil Dun Ġorġ Preca, lil Swor Adeodata Pisani u lill-Beatu Nazju Falzon. Fl-2010, imbagħad, kien ġie Malta l-Papa Benedittu XVI, l-istess Papa li tliet snin qabel fl-2007, kien ikkanonizza lil San Ġorġ Preca.

Huwa mifhum li ż-żjara tal-Papa Franġisku mhux se tkun twila daqshekk din id-darba. L-istess sorsi qalu li din l-aħbar hija mistennija b’mod imminenti.

Ġimagħtejn ilu, l-Arċisqof Charles Scicluna qal f’intervista fuq Newsbook.com.mt li jittama li xi darba l-Papa jaċċetta dik li sejjaħ “open invitation” tal-Isqfijiet biex iżur Malta.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-Arċisqof Scicluna u l-Papa Franġisku tkellmu dwar din iż-żjara meta ltaqgħu fit-30 ta’ Jannar li għadda.