Il-Papa mistenni jżur l-Indja

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Vatikan u l-Indja biex jinstabu ġranet lejn tmiem din is-sena meta l-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku jkun jista’ jagħmel żjara pastorali fl-Indja. Jidher li l-impenji tal-Prim Ministru Indjan barra l-pajjiż u f’pajjiżu stess qed joħolqu xi diffikultajiet.
Jekk ma jinstabux dati għal din is-sena iż-żjara tkun posposta għal kmieni s-sena d-dieħla. Dan ikun 20 sena wara li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien żar dan il-pajjiż.
L-Isqof Theodore Mascarenhas, Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Indjana għadu fiduċjuż li jistgħu jinstabu dati biex iż-żjara issir din is-sena stess.
Fi Frar 1986, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel vjaġġ ta’ 10 t’ijiem li  żar mhux anqas minn 14-il belt u mbagħad reġa’ mar f’dan il-pajjiż f’Novembru 1999.
L-insara fl-Indja huma t-tielet l-akbar grupp reliġjuż f’popolazzjoni ta’ 28 miljun persuna. Fl-ewwel ftit xhur tal-leġislatura tal-Prim Ministru Modi raw il-partit tiegħu jkun kritikat għal inċidenti li fihom kienu attakkati knejjes bl-iskop li jġiegħlu numru ta’ persuni li allegatament kienu sfurzati biex isiru Kattoliċi, jikkonvertu lura. Il-Gvern ta’ Modi kien kritikat ukoll meta rrestrinġa flus barranin milli jidħlu fil-pajjiż f’għajnuna lil organizazzjonijiet mhux governattivi insara.
Il-Vatikan u l-Indja ilhom li bdew taħditiet dwar din iż-żjara sa mill-bidu tal-2016. L-Indja għandha t-tieni l-akbar popolazzjoni kattolika fl-Asja wara l-Filippini. L-isforzi għal din iż-żjara ingħataw spinta meta l-Ministru tal-Affrijiet Barranin Indjan għamlet żjara lill-Papa Franġisku waqt li kienet Ruma għall-kanoniżazzjoni ta’ Santa Tereża ta’ Calcutta.
Il-Prim Ministru Indjan għandu skeda mimlija ħafna.  Din is-sena hu żar Sri Lanka, ir-Russja, il-Ġermanja, Kazakhstan, Spanja, Franza, l-Olanda, il-Portugal u Iżrael u għad irid imur iċ-Ċina u l-Filippini barra milli se jilqa’ f’pajjiżu il-kapijiet tal-Ġordan, il-Ġappun, Izrael, Franza u l-Kanada.