Il-Papa mhux se jippresiedi ċ-ċerimonji minħabba wġigħ tax-xatka

Read in English.

Il-Papa Franġisku mhux se jippresiedi ċ-ċerimonji ta’ tmiem is-sena u tal-bidu tas-sena l-ġdida għax qed ibati bl-uġigħ tax-xatka.

Dan tħabbar mill-Uffiċċju tal-Istampa tas-Santa Sede waranofsinhar, fejn ġie spjegat li ċ-ċelebrazzjonijiet xorta waħda se jsiru, u l-Papa Franġisku għada se jitlob l-Angelus bħas-soltu.

Iċ-ċerimonji li mhux se jippresiedi, jiġifieri, huma l-għasar ta’ tmiem is-sena u l-kant tat-Te Deum illejla fil-Bażilika ta’ San Pietru, kif ukoll il-quddiesa għada.

Minflok il-Papa Franġisku, iċ-ċelebrazzjoni ta’ tmiem is-sena llejla se jippresediha l-Kardinal Giovanni Battista Re, li hu d-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, filwaqt li l-quddiesa t’għada se jqaddisha s-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Pietro Parolin.

Fl-2017 kien tħabbar li l-Papa jbati bix-xatka, wara li fl-2013 kien qal lill-ġurnalisti li l-agħar ħaġa li kienet ġratlu kien attakk tax-xatka. Hu jingħata trattament mediku li jikkonsisti f’massaġġi u żewġ injezzjonijiet fil-ġimgħa biex jonqoslu l-uġigħ.

Din il-kundizzjoni tiġi min-nerv maqrus kaġunat minn difett f’xi rukkell tax-xewka tad-dahar.