Il-Papa mħasseb mit-theddida tan-nazzjonaliżmu konflittwali u l-gwerra nukleari

Il-Papa jiltaqa' u jkellem lil membri tal-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenza

Il-Papa Franġisku esprima t-tħassib tiegħu li qed jerġa’ jikber is-sentiment aggressiv kontra l-barranin, speċjalment l-emigranti u l-fatt li qed jikber in-nazzjonaliżmu li ma jagħtix każ il-ġid komuni u sostna li dan jhedded l-kooperazzjoni internazzjonali, ir-rispett reċiproku u l-miri tan-Nazzjonijiet Uniti għal Żvilupp Sostenibbli.

 Meta kien qed ikellem membri tal-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenza l-ġimgħa li għaddiet, il-Papa esprima wkoll il-biża’ tiegħu li qed tikber it-theddida ta’ konfront  nukleari li jirriskja li jħassar il-progress li sar fil-passat riċenti u jkabbar ir-riskju ta’ gwerra.

L-emigrazzjoni u n-nazzjonaliżmu konflittwali

Il-Papa fakkar li l-Knisja dejjem ippridkat l-imħabba lejn il-pajjiż u l-poplu tiegħu filwaqt li tirrispetta d-diversi kulturi, tradizzjonijiet u użanzi tal-popli. Fl-istess waqt wissiet dwar esklużjoni u mibegħda tal-oħrajn fejn jidħol “in-nazzjonaliżmu konflittwali li jibni ħitan anke ta’ razziżmu u anti-semitiżmu”.

Hu nnota li spiss, il-pajjiżi jispiċċaw qaddejja tal-interessi ta’ gruppi dominanti għal raġunijiet ta’ profitt ekonomiku  li joħnoq il-minoritajiet etniċi, lingwistiċi u reliġjużi li jkun hemm fit-territorju tagħhom.

Min-naħa l-oħra, il-mod li bih pajjiż jilqa’ l-emigranti juri l-viżjoni tiegħu tad-dinjità umana. Appella biex persuna jew familja li jkunu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom ikunu milqugħa b’umanità. L-emigrant mhux ta’ theddida għall-kultura u l-valuri tal-pajjiż li qed jilqgħu, hu għandu d-dmir li jintegra fil-pajjiż filwaqt li jżomm l-identità tiegħu.

Multilateraliżmu

Dwar in-nazzjon-stat, il-Papa qal li dan mhux assolut jew ġżira fil-konfront ta’ dak li hemm madwaru. Ma jistgħax joffri l-ġid komuni lill-poplu tiegħu u jilqa’ l-isfidi kontemporanji kbar tal-bdil fil-klima, l-iskjavitu moderna u l-paċi. Il-viżjoni kooperattiva bejn in-nazzjonijiet titlob li nerġgħu nniedu l-multilateraliżmu li hu l-kuntrarju tal-implusi nazzjonalistiċi u l-politika eġemonika.

“Jekk jiġri dan l-umanità tevita t-theddida tal-kunflitti armati kull darba li jkun hemm kwestjoni bejn nazzjonijiet-stat u twarrab il-periklu tal-koloniżazzjoni ekonomika u ideoloġika tas-superpotenzi fejn min hu b’saħħtu jirbaħ fuq min hu dgħajjef, filwaqt li tħares id-dimensjoni globali bla ma titlef id-dimensjoni nazzjonali u reġjonali”.

Papa Franġisku sejjaħ għal forma ta’ globaliżazzjoni bażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-identità kollettiva ta’ kull poplu li twassal għal stat ġenerali ta’ paċi u armonija.

Theddida nukleari

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa lmenta li llum donnu li l-istaġun ta’diżarm nukleari multilaterali sar antikwat u m’għadux iqajjem il-kuxjenza politika tan-nazzjonijiet li għandhom l-armi nukleari.

Għall-kuntrarju, żied jgħid il-Papa, donnu qed jibda staġun inkwetanti ta’ konfrontazzjoni nukleari li jħassar il-progress li sar fil-passat riċenti u jżid ir-riskju tal-gwerra. Jekk l-armi nukleari offensivi jew difensivi jitpoġġew fl-ispazju u fid-dinja, l-hekk  imsejjħa fruntiera teknika ġdida, tkun qed iżżid u mhux tnaqqas il-periklu ta’ olokawst nukleari.