Il-Papa mħasseb dwar l-użu tal-armi nukleari

Fuq l-ajruplan li wasslu għaż-żjara tiegħu fiċ-Ċili, il-Papa Franġisku tkellem mal-ġurnalisti u esprima t-tħassib tiegħu għat-theddid tal-użu tal-armi nukleari.
Hu qassam lill-ġurnalisti li qed jakkumpanjawh ritratt ta’ tifel qed iġorr il-katavru ta’  ħuh li nqatel bil-bomba atomika fuq Nagasaki, biex jieħdu għad-difna.
Fuq wara tar-ritratt il-Papa poġġa l-firma tiegħu u l-kliem “Il-Frott tal-Gwerra”.
Il-Papa qal li dan ir-ritratt kien dejjqu ħafna u ried jgħaddi kopji tiegħu għax qed jibża’ li d-dinja riesqa għal darb’oħra għall-użu tal-armi nukleari. Papa Franġisku qal dan jumejn biss wara li r-residenti tal-Hawaii irċivew messaġġ bi twissija ta’ attakk iminenti bil-missili li wara rriżulta li kien allarm falz u kien irtirat 38 minuta wara.
F’Novembru li għadda l-Papa kien indirizza konferenza dwar id-diżarm fil-Vatikan u qal li l-pusses ta’ armi nukleari għandu jkun kundannat bil-qawwa kollha għax dawn qegħdin għas-servizz ta’ mentalita’ li tbeżża’ li taffettwa mhux lill-partijiet li jkunu f’kunflitt, imma lill-umanita’ kollha.
Il-Papa qal lill-parteċipanti f’dik il-konferenza, li fosthom kien hemm  uħud li kienu rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi, li “r-relazzjonijiet internazzjonali ma għandhomx ikunu priġunieri ta’ forzi military, intimidazzjoni reċiproka u l-isfilar ta’ ħażniet ta’ armamenti”.
“L-armi tad-distruzzjoni tal-massa, partikolarment armi nukleari ma joħolqu xejn ħlief sens falz ta’ sigurta’ u ma jistgħux ikunu l-bażi għall-koeżistenza paċifika bejn membri tal-familja umana, qal il-Papa Franġisku.