Il-Papa mħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-ħabsijiet

Il-Papa jilqa' fil-Vatikan persuni nvoluti f'ħidma pastorali fil-ħabsijiet

Is-sitwazzjoni fil-ħabsijiet hi riflessjoni tar-realtà soċjali tagħna u konsegwentement tal-egoiżmu u l-indifferenza tagħna li huma espressi fil-“kultura tar-rimi”, skont il-Papa Franġisku. “U aħna se nkunu ġudikati dwar dan”.

Il-Papa esprima dan it-tħassib nhar il-Ġimgħa li għadda meta fil-Palazz Aposotliku fil-Vatikan kellem lill-parteċipanti tal-Laqgħa Internazzjonali tal-Ministeri Pastorali fil-Ħabsijiet, organizzata mid-Dikasteru għall-Iżvilupp Integrali Uman.

Deċiżjonijiet inumani

“Ħafna drabi, is-soċjetà – b’deċiżjonijiet legalistiċi u inumani, li tipprova tiġġustifika f’isem dak li hu sew u s-sigurtà – tfittex is-soluzzjoni għall-problemi tal-ħajja komunitarja, billi tiżola u titfa’ l-ħabs lil dawk li jaġixxu kontra n-normi soċjali” qal il-Papa.

“B’hekk qed niġġustifikaw il-ħafna flus u riżorsi li nallokaw biex nikkastigaw lil min jonqos flok ma nfittxu l-iżvilupp integrali ta’ dawn il-persuni li għandu jnaqqas dawk iċ-ċirkostanzi li jwasslu biex jitwettqu atti illegali”.

Il-Papa ssuġerixxa li dan il-metodu – li nsakkru lil dawk li jonqsu liso-soċjetà – hu metodu faċli u konvenjenti aktar milli noffru liċ-ċittadini kollha l-opportunità li jiżviluppaw.  Hu lmenta li l-postijiet ta’ detenzjoni huma nieqsa minn riżorsi li jippreparaw lill-priġunieri biex jirritornaw fis-soċjetà.

“Illum, b’mod speċjali, is-soċjetajiet tagħna huma msejjħa biex ineħħu l-istigma ta’ dawk li żbaljaw, iżda minflok noffrulhom għajnuna u riżorsi adegwati biex jgħixu ħajja diċenti, drajna inwarrbuhom flok nikkunsidraw l-isforzi li persuna tagħmel biex twieġeb għall-imħabba t’Alla f’ħajjitha”, qal Papa Franġisku.

“Bħala komunitajiet insara irridu nistaqsu lilna nfusna din id-domanda: Jekk dawn ħutna diġa’ ħallsu għall-ħsara li għamlu, għaliex qed inpoġġu fuqhom kastig soċjali ieħor bl-indifferenza tagħna u billi nwarrbuhom?”

Għomor il-ħabs hu diskutibbli

Hawnhekk il-Papa ddeskriva żewġ eżempji:

• Ma hemmx kastig uman mingħajr orizzont. Araw li fil-pajjiżi rispettivi tagħkom, il-ħabsijiet dejjem ikollhom twieqi u orizzont, anke għal dawk li huma kundannati għal għomorhom, kastig li għalija hu diskutibbli, imma anke sentenza għal għomor il-ħabs għandu jkollha orizzont.

•Diversi drabi meta fi Buenos Aires kontra nirkeb il-karrozzi tal-linja biex immur fil-parrocca ta’ Villa Devoto u ngħaddi minn quddiem il-ħabs ta’ dan il-post, kont nara kju twil ta’ persuni jmorru jaraw lill-priġunieri, speċjalment ommijiet ta’ priġunieri li kulħadd seta’ jara għax kienu jkunu il-kju minn siegħa qabel il-ħin tal-viżitaturi u mbagħad kienu jsirulhom tfittxijiet umiljanti. Dawk in-nisa ma kienux jistħu li d-dinja kollha qed tarahom.  Binhom kien il-ħabs u huma kienu lesti juru wiċċhom għal uliedhom.