Il-Papa ma remiex it-tagħlim dwar iż-żwieġ

L-Isqof Robert Barron jitkellem waqt il-Laqgħa Mondjali tal-Familji f’Dublin

Għall-Isqof Awżiljarju ta’ Los Angeles, Robert Barron meta l-Papa Franġisku f’Amoris Laetitia, bexxaq bieb għal dawk divorzjati u miżżewġa ċivilment, biex jitqarbnu, ma kienx qed jarmi t-tagħlim Kattoliku imma wera kif nistgħu nwieġbu meta l-bniedem ma jirnexxielux jgħix l-ideali.

Fil-Kungnress tal-Familji fl-Irlanda, f’forum bit-tema: “Il-Papa Franġisku u l-Vanġelu tal-Familja: X’irid Alla mill-Familji Tagħna” l-Isqof Barron qal li kulħadd tkellem dwar kapitlu wieħed (Kap 8) tal-Amoris Laetitia għax kien kontroversjali u kważi nsejna partijiet oħra interessanti u ta’ għajnuna, li fih dan id-dokument.

Qal lil-mod kif ġiet impinġija din l-Eżortazzjoni Apostolika mill-bidu nett, qisha battalja bejn l-assolutiżmu u r-relativiżmu, u dan ma għen xejn.

Hu ċar li l-Papa Franġisku hu konxju tal-isfidi u d-diffikultajiet li wieħed jilħaq it-tagħlim kollu tal-Knisja dwar is-sesswalità, iżda dan ma jfissirx li qed inaqqas jew jarmi dak li jitlob dan it-tagħlim.

L-Isqof Barron qara b’vuċi għolja parti minn Art 8 tal-Enċiklika fejn jingħad li “Iż-żwieġ nisrani jilħaq il-qofol tiegħu fl-għaqda bejn raġel u mara li jagħtu lilhom infushom lil xulxin liberament b’imħabba fidili u esklussiva u jibqgħu ta’ xulxin sal-mewt u jkunu miftuħa għat-trasmissjoni tal-ħajja.”

“Seta’ l-Papa jkun aktar ċar u enfatiku minn hekk? Il-Knisja m’hix interessata fi spiritwalità medjokri”, imma ssejjaħ lill-poplu biex ikun qaddis u jgħix virtujiet eroiċi, u dan l-ewwel li nitgħallmuh hu mill-ħajja tal-familja. “Aħna mhux interessati f’ideal imxellef u mnaqqas, imma fl-istess waqt, bażat fuq l-esperjenza pastorali tiegħu, il-Papa Franġisku jaf li ħafna nies jitħabtu biex jgħixu l-ideal qaddis impoġġi quddiemhom.

Dwar x’għandu jsir meta l-Knisja tiltaqa’ ma’ nies li qed jitħabtu u huma f’diffikultà, l-Isqof barron qal li hemm żewġ toroq li jirrepetu ruħhom fl-istorja tal-Knisja: “li taqta’ barra jew li ddaħħal lura.”

Sa minn żmien il-Konċilju ta’ Ġerusalemm, il-Knisja mxiet fuq il-passi ta’ Kristu li hi “t-triq tal-ħniena u r-ri-integrazzjoni.” L-Isqof qal li fil-fehma tiegħu dan hu l-qofol tal-Amoris Laetitia, mhux li tiċħad, tnaqqas jew tinnega dak li hu l-ideali, mhux relativiżmu dwar it-tagħlim tal-Knisja fuq is-sesswalità, imma sensitività għall-fraġilità.

“X’tagħmel meta wieħed mhux jgħix l-ogħla livell ta’ qdusij? Tarmih! Hekk tgħid il-liġi! Veru li hemm dik it-triq, imma l-Papa qed jgħid li t-triq tal-Knisja dejjem kienet dik tal-ħniena u ri-integrazzjoni. Dan jinteressah il-Papa: is-sensitività pastorali ma dawk li huma f’dawn is-sitwazzjonijiet.”

Dak li Amoris Laetitia tgħid b’mod ċar hu li “l-familja hi l-aħjar post fejn wieħed jifforma l-virtù li hi mibnija fi proċess minn jum għal ieħor ta’ prattika u rfinar”, qal l-Isqof Barron.