Il-Papa ma jiflaħx jara aktar ġlied – Iċempel lil Peres u Abbas

Wara l-appell ta’ nhar il-Ħadd li għadda biex forsi jieqaf il-ġlied fl-Art Imqaddsa, dalgħodu, il-Papa Franġisku qabad it-telefown u ċempel lill-mexxejja ta' Iżrael u tal-Palestina.
Qasam ma’ Shimon Peres u Mahmoud Abbas l-inkwiet tiegħu dwar il-kunflitt li għaddej bħalissa fl-iStrixxa ta’ Gaża. 
Skont il-Papa, dan il-kunflitt li hu ddominat mill-mibgħeda u mit-tbatija taż-żewġ popli qed iwassal biex tinħoloq sitwazzjoni gravi ta’ emerġenza umanitarja.
Lil Peres u Abbas tahom il-parir biex jibqgħu jitlobu u jaħdmu sabiex kull min hu involut, jerfa’ r-responsabiltà politika biex il-paċi tieħu post il-ġlied.
Is-sitwazzjoni f'Gaża sejra mill-ħażin għall-agħar.  
Skont il-mezzi tax-xandir Palestinjani, tliet adolexxenti bejn it-12 u s-16-il sena nqatlu minn Iżrael f'Gaża.
F'dawn l-aħħar disat ijiem ta' ġlied, b'kollox mietu 264 Palestinjan u persuna waħda Iżraeljana.
Il-Papa Franġisku qed jiffoka wkoll it-talb tiegħu fl-Ukraina fejn seħħet l-istraġi tal-kraxx tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines.
Huwa talab għall-vittmi u l-familjari tagħhom.
Huwa appella lill-partijiet kollha nvoluti fil-ġlied fil-fruntiera tal-Ukraina sabiex permezz tad-djalogu jsibu soluzzjoni biex jerga’ jkun hemm il-paċi f’dan il-pajjiż.
Dan sabiex ma jkunx hemm iktar imwiet f’dan ir-reġjun.